Family

Il-Papa Benedittu XVI qal li bħala ċ-ċentru tal-Kattoliċeżmu u l-Kapitali tal-Italja, Ruma għandha s-sejħa speċjali sabiex tkun eżempju ta’ kollaborazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat. F’dettalji dwar kif tista’ tidher din il-kollaborazzjoni, il-Papa ddefenda ż-żwieġ mibni fuq raġel wieħed u mara waħda, iddefenda wkoll id-dinjita tal-anzjani u l-ħtieġa li ż-żgħażagħ isibu impjieg.

Il-Papa tkellem dwar dawn it-temi fl-indirizz annwali tiegħu lill-Uffiċjali ta’ Ruma u r-reġjun. Huwa ltaqa’ wkoll mal-President tar-reġjun ta’ Lazio, il-President tal-Provinċja ta’ Ruma u s-Sindku tal-Belt.

L-ewwel tema indirizzata mill-Papa kienet il-familja. Qal li fil-familja, it-tfal jitgħallmu l-valuri umani u Nsara li jagħmlu ko-eżistenza kostruttiva u paċifika possibbli. Żied li hu fi ħdan il-famija li wieħed jitgħallem is-solidarjeta bejn il-ġenerazzjonijiet, il-maħfra u l-aċċettazzjoni ta’ xulxin. Qal li fid-djar tagħhom iż-żgħażagħ jesperjenzaw l-affett tal-ġenituri u jiskopru x’inhi l-imħabba u kif iħobbu.

Il-Papa temm jappella għal appoġġ lill-familji, partikolarment fit-tqala. Aċċenna għall-ħtieġa tal-bilanċ b’mod speċjali min-nisa li jaħdmu u li fl-istess ħin iridu jlaħħqu mal-familja.