“L-isforzi tal-Gvernijiet u ta’ komponenti varji tal-komunita internazzjonali għandhom ikunu lkoll orjentati lejn għazliet effettivi għal espressjoni konkreta tad-dritt tal-ħajja fl-isfond tal-karba ta’ min jinsab fil-ġuħ – id-dritt tal-ħajja li ħafna drabi hu solennement proklamat pero ferm ‘il bogħob milli implimentat”, huwa l-kumment f’forma t’appell li l-Kap tal-Knisja Kattolika għadda b’riflessjoni wara l-jum li fakkar l-ikel madwar id-dinja kollha. Huwa appella lill-komunita internazzjonali sabiex tieħu azzjoni immedjata u effettiva.
Il-Papa bagħat messaġġ li nqara mill-Osservatur Permanenti tas-Santa Sede għall-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, Mons Luigi Travaglino, waqt ċerimonja f’Ruma. Meta rrefera għall-għadd enormi ta’ vittmi tal-ġuħ fil-kontinent Afrikan, il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li “s-sitwazzjoni fejn komunitajiet sħaħ qed imutu bil-ġuħ u mġiegħla jħallu pajjizhom, hi sitwazzjoni li titlob azzjoni immedjata f’interventi ta’ għajnuna fit-tul, u mhux sempliċiment għajnuna t’emerġenza li tkun limitata”.
It-tema għal dis-sena, ‘Food prices – from crisis to stability’, imbuttat lill-Papa jappella biex l-ikel ma jkunx ikkunsidrat bħal kwalunkwe ħaġa oħra – u allura soġġett għall-manuvrar tal-bniedem!