-
Appell lill-Parlamentari mill-Isqof Charles Scicluna
-
L-Abbozz ta’ liġi, imressaq mill-Onorevoli Manuel Mallia, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, f’isem il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, u moqri għall-ewwel darba fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2013, għandu bħala għanijiet u raġunijiet l-introduzzjoni tad-dritt li l-persuni, kemm jekk tal-istess sess jew ta’ sess oppost, jidħlu f’unjoni ċivili.
Il-prinċipju taħt dan l-att jew l-abbozz, “hu li jekwipara l-unjoni ċivili u ż-żwieġ mil-lat ta’ proċedura u sustanza, b’mod li jiggarantixxi d-drittijiet ugwali lill-imsieħba f’unjoni ċivili hekk kif inhi garantita lill-konjugi fiż-żwieġ”. L-approċċ li jagħżel l-abbozz, “għandu jiggarantixxi t-tgawdija tad-drittijiet u obbligi ugwali f’kull qasam tal-liġi u l-ħajja soċjali”.
Dawn l-għanijiet u r-raġunijiet ippubblikati mal-Abbozz dwar il-liġi tal-unjoni ċivili jispjega fi ftit kliem id-difett prinċipali tal-abbozz, għax qiegħed jagħżel l-approċċ tal-ugwaljanza bejn realtajiet li mhumiex ugwali. Ir-rabta dejjiema bejn raġel u mara, miftuħa għad-don tal-paternità u tal-maternità, għad-don tal-ulied, ma tista’ qatt titpoġġa fuq l-istess livell ta’ partnership jew għaqda bejn żewġ persuni tal-istess sess: raġel ma’ raġel, u mara ma’ mara. L-għaqda ta’ dawn il-persuni omosesswali, qatt ma tista’ tkun miftuħa għad-don ta’ twelid ta’ ħajja ġdida. M’għandniex għalfejn ikollna għerf kbir biex nindunaw li raġel ma’ raġel ma jistax inissel u mara ma’ mara ma tistax tnissel. Il-prinċipju tad-differenza bejn iż-żwieġ u kull partnership ieħor huwa dan, li ż-żwieġ huwa l-għaqda bejn raġel u mara miftuħa għad-don tal-ħajja permezz tal-atti li lill-mara u r-raġel jagħmluhom ġisem wieħed.
L-abbozz ta’ ligi għandu difetti kbar meta fl-għaġla u l-ispinta li jekwipara l-unjoni ċivili tal-persuni tal-istess sess, jitlob minnhom affarijiet li diffiċli tispjegahom. Nieħu l-każ ċar ħafna tad-dover tal-konsumazzjoni taż-żwieġ, li qed jiġi applikat ukoll għall-Unjoni Ċivili. Id-diffikultà tqum, kif il-Qrati tagħna, jekk mhux il-leġiżlatur, se jiddefinixxu l-konsumazzjoni tal-unjoni ċivili bejn raġel u raġel, u mara u mara. Anke għax il-liġi taż-żwieġ, u issa l-Liġi tal-Unjoni Ċivili ser tkun tgħid, li waħda mill-partijiet tista’ titlob l-annullament taż-żwieġ jew tal-unjoni ċivili, jekk il-parti l-oħra ma tkunx aċċettat li tikkonsma ż-żwieġ jew l-unjoni ċivili.
L-għaqda bejn żewġ persuni tal-istess sess mhijiex miftuħa għad-don tal-ulied, għax minnha nnifisha ma tistax twelled l-ulied. Wieħed jistaqsi xi rwol soċjali jista’ jkollha din l-għaqda? Nifhem li persuni li jingħaqdu f’rabta bejniethom u jkunu tal-istess sess, jista’ jkun hemm aspirazzjonijiet leġittimi li s-soċjetà tagħraf, bħad-drittijiet ta’ wirt u ta’ aċċess fil-mard. jew inkella f’ċirkostanzi oħra soċjali. L-individwu jkollu l-aċċess kollu neċessarju biex ikun ta’ sostenn għall-partner tiegħu, ikun min ikun jew tkun min tkun. Imma biex nagħtu dawn id-drittijiet lil dawn il-persuni, li jistħoqqilhom ir-rispett tagħna, u li għandhom ikunu mħarsin minn kull diskriminazzjoni inġusta, m’hemmx għalfejn naslu biex ngħidu dak li mhux minnu, jiġifieri li l-għaqda tagħhom hija għaqda matrimonjali.
Meta l-unjoni ċivili hija tant ekwiparata maż-żwieġ, hekk li l-liġi tapplika l-liġijiet kollha taż-żwieġ għaliha, ta’ min jistaqsi x’differenza se jkun hemm bejn l-unjoni ċivili bejn raġel u mara, u ż-żwieġ bejn raġel u mara? X’se jkunu r-raġunijiet għaliex koppja, raġel u mara, tagħżel l-unjoni ċivili li għandha l-obbligi u l-proċeduri kollha taż-żwieġ, bit-tnidijiet b’kollox, u ma tiżżewwiġx? Hija xi ħaġa li mill-qari tiegħi tal-abbozz ma toħroġx ċara, mentri nħoss li lill-persuni omosesswali, il-liġi, fl-entużjażmu tagħha, li twassalhom għaż-żwieġ, mhijiex tirrispetta d-differenza essenzjali li hemm bejn kull rabta li jista’ jkun hemm bejn persuni omosesswali u r-rabta bejn ir-raġel u l-mara.
Ħaġa oħra li nħoss li ta’ min jirrifletti fuqha b’mod serju, hija l-għażla li jagħmel l-abbozz li jiftaħ beraħ il-bibien tal-adozzjoni tat-tfal mill-koppji tal-istess sess. It-tfal, huma min huma, se jitwieldu dejjem minn raġel u mara, qatt mhu se jitwieldu minn raġel u raġel waħedhom, jew minn mara u mara waħedhom, u għalhekk huwa dritt tat-tfal, qabel inħarsu lejn id-dritt tagħna l-adulti, li jiġu mrobbijja minn min tagħhom il-ħajja. Jekk dan ma jistax jkun, l-ewwel ċans li għandu jingħata għandu jkun lill-koppja li kemm jista’ jkun hija qrib l-ambjent naturali minn fejn twieldu t-tfal. L-impenn tal-leġiżlatur Malti dejjem kien, anke fuq livell internazzjonali, li l-ewwel li jħares huwa l-interess tat-tfal.
Hija l-konvinzjoni qawwija, mhux tiegħi biss, imma tal-Knisja Kattolika, li l-interess tat-tfal jitlob li jkunu mrobbija minn raġel u mara. Hawn min jgħidli, “imma allura l-orfni li rabbewhom is-sorijiet meta kienu trabi u mbagħad rabbewhom il-qassisin meta kibru, dawk ma kellhomx raġel u mara min irabbihom”. Jiena jkolli nammetti li dawn huma sitwazzjonijiet ta’ swied il-qalb kbir li qatt ma kienu mingħajr tbatija, u għalhekk dejjem għamilna ħilitna kollha biex ikun hemm inqas tfal li jitrabbew fl-istituti. Li tifel trabbih f’istitut mhuwiex ideali. L-ideali huwa li jitrabba f’familja fejn hemm omm u missier biex ikollu d-dritt igawdi l-aħjar trobbija possibbli.
Nappella lill-Parlament Malti biex qabel jagħmel deċiżjonijiet li se jaffetwaw tant nies, ikollu dibattitu ħieles, seren u li jaħdem tassew għal ġid komuni.
✠ Charles J. Scicluna
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta
http://www.newsbook.com.mt/blogg/2013/10/22/unjoni-civili:-appell-lill-parlamentari.11239