-
-
Għaddew 30 sena minn meta, fit-2 ta’ Diċembru, 1987, l-organizzazzjoni tal-United Nations High Commissioner for Refugees (UNHCR) bdiet uffiċjalment il-ħidma tagħha f’Malta permezz tal-Kummissjoni Emigranti bħala Operational Partner.
Għaddew ukoll 15-il sena minn meta, fl-2002, Malta rat l-ewwel mewġa enormi ta’ persuni jaslu fuq xtutha bid-dgħajjes, ifittxu protezzjoni internazzjonali. Kien il-bidu ta’ fenomenu li fetaħ il-bieb għal dik li probabbilment hija l-akbar sfida soċjali u kulturali li ħabbat wiċċu magħha pajjiżna għal ħafna żmien.
F’dawn is-snin kollha, il-poplu Malti kellna l-okkażjoni naraw, b’esperjenza diretta, kemm hu veru dak li l-Papa Franġisku jgħid fil-Messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati tas-sena l-ġdida (14 ta’ Jannar, 2018), li dwar l-isfida tal-migrazzjoni “t-tweġiba komuni tagħna tista’ tiġi artikolata b’erba’ verbi li jsibu s-sisien tagħhom fil-prinċipji tad-dutrina tal-Knisja: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw”.
It-triq li mxejna, bħala poplu, fit-twettiq ta’ dawn il-prinċipji kellha s-sabiħ u l-inqas sabiħ tagħha. Kien hemm u għad hemm min sabha diffiċli jifhem, jew baqa’ ma jridx jifhem, li kull immigrant li jasal f’pajjiżna jfittex l-ażil jew l-għajnuna umanitarja jfisser sfida għas-sens ta’ solidarjetà tagħna. Kien hemm u għad hemm ukoll oqsma fejn il-pass li mxejna bih fl-operat tagħna biex nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw seta’ kien jew jista’ jkun iktar imgħaġġel u iżjed effettiv. Madankollu, meta nħarsu lura lejn minn fejn bdejna, għandna għaliex inħossu s-sodisfazzjon li sar ħafna xogħol tajjeb, speċjalment fl-oqsma tal-merħba u l-ħarsien, li minnu gawdew eluf ta’ refuġjati u nies f’qagħda li tixbaħ lil dik ta’ refuġjat.
Fiċ-ċirkustanzi u r-realtà tal-lum, forsi l-ikbar provi li għad għandna quddiemna jolqtu l-prinċipji tal-promozzjoni u l-integrazzjoni.
Il-Papa Franġisku jgħidilna li, “Nippromwovu essenzjalment tfisser li naħdmu b’determinazzjoni biex jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati kollha, kif ukoll il-komunitàjiet li jilqgħuhom, ikunu mgħejjunin jiksbu l-potenzjal kollu tagħhom bħala persuni, fid-dimensjonijiet kollha li jikkostitwixxu l-umanità li jrid il-Ħallieq.”
F’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess tal-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti, imbagħad, li tant ilna nisimgħu u nittamaw dwaru, hemm bżonn li lejn din l-isfida nħarsu mil-lenti tal-opportunitajiet li għandha marbutin magħha għal arrikkament interkulturali.
Kif jispjega l-Papa, l-integrazzjoni mhix assimilazzjoni li twassal għas-soppressjoni jew biex dak li jkun jinsa l-identità kulturali tiegħu. Il-kuntatt mal-oħrajn pjuttost għandu jgħin biex dak li jkun jiskopri ‘is-sigriet’ tagħhom, li jinfetaħ għalihom biex jilqa’ l-aspetti validi tagħhom, u hekk jagħti sehmu biex isiru jafu lil xulxin aħjar. Dan hu proċess twil li l-mira tiegħu hija li jifforma soċjetajiet u kulturi, li jagħmilhom dejjem iżjed rifless tad-doni, f’ħafna forom, ta’ Alla għall-bnedmin.
Fi kliem il-Papa Franġisku, dan il-proċess jistà jitħaffef bl-offerta ta’ ċittadinanza li ma tkunx marbuta ma’ kundizzjonijiet ekonomiċi jew ta’ lingwa u bil-faċilità ta’ regolarizzazzjoni straordinarja għal migranti li jkollhom kas biex jibqgħu fit-tul fil-pajjiż.
Franġisku jtenni l-bżonn li tiġi mgħejjuna b’kull mod il-kultura tal-inkontru, billi jitkattru l-opportunitajiet għal bdil interkulturali, bid-dokumentazzjoni u b’ħidma biex ikunu magħrufin il-metodi t-tajbin għall-integrazzjoni, u bl-iżvilupp ta’ programmi maħsubin biex iħejju l-komunitajiet lokali għal proċess ta’ integrazzjoni.
Fl-okkażjoni ta’ Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati, illum il-Ħadd, 14 ta’ Jannar, ser ssir Quddiesa ppreseduta min-Nunzju Appostoliku, Mons. Alessandro D’Errico, fil-Knisja tal-Kapuccini, il-Furjana, fid-9:00 a.m.