Il-Bord għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jixtieq javża li s‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija ser jilqa’ applikazzjonijiet tard (
late applications) skont il‑Kriterju ‘Applikanti Oħra’, għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja fl‑ewwel sena kindergarten, it‑tieni sena kindergarten, l‑ewwel sena primarja u l‑ewwel sena sekondarja. Dawn l‑applikazzjonijiet, għas-sena skolastika li tibda f’Settembru 2016, ser jintlaqgħu nhar il‑Ġimgħa, 26 ta’ Frar 2016, bejn id‑9:00 a.m. u s‑1:00 p.m., fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Aktar dettalji jinsabu fuq il‑websajt
www.knisja.org/ChurchSchools.
Matul il‑ġimgħat li għaddew, is‑Segretarjat laqa’ applikazzjonijiet għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja, u informa lill‑applikanti u ppublika fuq il‑websajt tal‑Knisja f’Malta, kemm baqa’ postijiet fl‑iskejjel tal‑Knisja wara li ġew milqugħa l‑applikazzjonijiet tal‑Ewwel Kriterju f’Novembru 2015. Is‑Segretarjat qed jippublika wkoll fuq il‑websajt tal‑Knisja f’Malta, il‑polza tal‑każijiet serji ta’ Skola bla Kontinwità u anke l‑applikanti tal‑Ewwel Kriterju, skola, skola.
F’Jannar, is‑Segretarjat informa wkoll li, fis-sena skolastika li tibda f’Settembru 2016, ser tiżdied klassi fit‑tieni sena kindergarten fl‑iskola ta’ St Joseph, Blata l‑Bajda. Dan ifisser żieda ta’ 14‑il post għall‑bniet. Is‑Segretarjat informa wkoll lill‑pubbliku bil‑postijiet vakanti fl‑ewwel sena primarja fl‑iskejjel ta’ St Francis, Birkirkara, Bormla u Msida, jiġifieri 55 post għas‑subien u 11‑il post għall‑bniet.
Is‑Segretarjat jixtieq javża li baqa’ dawn il‑postijiet vakanti għal ‘Applikanti Oħra’: fl‑ewwel sena sekondarja għas‑subien baqa’ 106 u għall‑bniet 15; fl‑ewwel sena primarja għas‑subien baqa’ 234 u għall‑bniet 115; fit‑tieni sena kindergarten għas‑subien baqa’ 90 u għall‑bniet 201; fl‑ewwel sena kindergarten għas‑subien baqa’ 36 u għall‑bniet 58. Dawn il‑postijiet kollha f’daqqa jgħoddu 855 post, kif jidher fit-tabella hawn taħt.
Dawn il‑figuri huma ftit differenti minn dawk diġà ppublikati għaliex ġew konklużi xi każijiet li kienu għadhom qed jiġu proċessati.
Għad iridu jiġu aċċettati xi każijiet serji skont it‑tielet kriterju. Fost l‑‘Applikanti Oħra’ jkun hemm ukoll aħwa li qed japplikaw għall‑istess sena (p.eż tewmin) jew għal snin tad‑dħul differenti u meta wieħed minn dawn l‑aħwa jirreġistra fi skola, iż‑żgħir jikkwalifika skont il‑Kriterju tal‑Aħwa. Dan ifisser li n‑numru ta’ postijiet vakanti għad jerġa’ jonqos. Aktar informazzjoni tingħata qabel ma jsiru l‑poloz f’Marzu u f’April 2016.