L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Dun Ivan Scicluna bħala Arċipriet tal-Parroċċa tal-Isla.
Dun Ivan Scicluna twieled il-Pietà fl-24 ta’ Marzu, 1970. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ S. Giovanna Antida, il-Gudja, fil-Junior Lyceum tal-Ħandaq u l-iskola Ġan Franġisk Abela, l-Imsida. Kompla l-istudji terzarji fl-Institute of Health Care u wara fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Dun Ivan ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Ġunju, 2003. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet fil-parroċċa tal-Isla u bħala Direttur tal-Vokazzjonijiet. Fl-2005 serva bħala viċi-arċipriet fil-parroċċa tar-Rabat u rettur tal-kappella tan-Nigret fir-Rabat stess. Fl-2007 nħatar kappillan tal-parrocca ta’ Santa Luċija fejn ilu jservi għal dawn l-aħħar ħames snin. Bħala parti mill-ħidma pastorali tiegħu serva ukoll bħala direttur spiritwali f’diversi skejjel.
Il-parroċċa tal-Isla tiġbor fiha madwar 4,000 persuna f’1,200 familja.