Arċipriet ġdid għall-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Roderick Camilleri bħala arċipriet tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar.
Dun Roderick Camilleri twieled Ħaż-Żabbar fis-27 ta’ Jannar 1984. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Ħaż-Żabbar, l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Ġużeppi Despott Verdala, Bormla, u kompla s-6th Form fil-Higher Secondary, in-Naxxar. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) u Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali, fl-Università ta’ Malta.
Dun Roderick ġie ordnat saċerdot nhar id-29 ta’ Ġunju 2012. Beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara, u wara bħala viċi-kappillan fil-Parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa. Serva wkoll bħala direttur spiritwali fil-Kulleġġ San Benedittu, Ħal Kirkop bejn l-2013 u l-2015. Fl-2015 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn, fejn serva għal seba’ snin.
Il-parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja tiġbor fiha madwar 19,340 persuna f’6,000 residenza.
Kappillan ġdid għall-parroċċa Santa Marija, Birkirkara
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Evan Caruana bħala kappillan tal-parroċċa Santa Marija, Birkirkara. Mons. Arċisqof innomina lil Dun Evan Caruana Kanonku Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral bit-titlu ta’ ‘Monsinjur’.
Mons. Evan Caruana twieled fit-2 ta’ Frar 1959. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu. Kompla l-istudji terzjarji fil-Filosofija u t-Teoloġija fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Mons. Evan ġie ordnat saċerdot fil-11 ta’ Lulju 1986. Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa. Fl-1991 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Santa Marija, il-Gudja, fejn serva għal 13-il sena. Fl-2004 inħatar arċipriet tal-parroċċa Marija Bambina, in-Naxxar, fejn serva għal 11-il sena. Għal dawn l-aħħar tmien snin huwa kien arċipriet tal-parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar.
L-Arċisqof irringrazzja lil Dun Reuben Deguara għax-xogħol pastorali tiegħu f’din il-parroċċa filwaqt li fdalu ħidma pastorali fiċ-Chaplaincy tal-Isptar Mater Dei.
Il-parroċċa ta’ Santa Marija tiġbor fiha madwar 3,100 persuna f’1,200 familja.
Kappillan ġdid għall-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun David Borg bħala kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid.
Dun David Borg ġie ordnat saċerdot fl-2020. L-ewwel esperjenza pastorali tiegħu kienet fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien bħala djaknu u wara bħala viċi-arċipriet. B’kollox serva għal erba’ snin f’din il-parroċċa. Fl-2020 sar iċ-chaplain tal-iskola intermedja ta’ St Thomas More f’Ħal Tarxien kif ukoll beda jmexxi l-grupp HOPE, li hu grupp ta’ sapport għal persuni separati. Fl-2022 beda ħidma pastorali mar-residenti taċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni tal-komunità Santa Marija, f’Ħal Farruġ.
L-Arċisqof irringrazzja lil Dun John Muscat għax-xogħol pastorali tiegħu f’din il-parroċċa filwaqt li fdalu ħidma pastorali fiċ-Chaplaincy tar-Residenza San Vinċenz de Paule.
Il-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid, tiġbor fiha madwar 2,300 persuna f’700 residenza.