• Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħatar lill-Eċċellenza Tiegħu, Mons. Charles J. Scicluna, Isqof Titulari ta’ San Leone, bħala Arċisqof ta’ Malta. L-aħbar ingħatat min-Nunzju Appostoliku, l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Aldo Cavalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 2015, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

    In-Nunzju Appostoliku ppreżenta lill-Arċisqof-elett lill-Kulleġġ tal-Konsulturi, lill-uffiċjali u lill-ħaddiema tal-Kurja, u lill-media.

    L-Isqof Scicluna huwa s-suċċessur tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P., li fit-18 ta’ Ottubru 2014 irriżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Dakinhar stess, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Charles J. Scicluna, bħala Amministratur Appostoliku sede vacante.

  • Fl-ewwel kummenti tiegħu, wara li tħabbret uffiċjalment il-ħatra tiegħu, f’messaġġ lill-poplu ta’ Malta, l-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna rringrazzja lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku tal-fiduċja li wera fih, u tal-missjoni li fdalu f’idejh bħala ragħaj tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-Arċisqof-elett sellem lill-poplu Malti u Għawdxi, lil ħutu l-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi u lil-lajċi, u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Huwa wiegħed li jagħti ħajtu għalihom fuq l-eżempju ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb. 



    Agħfas hawn biex tniżżel il-Curriculum Vitae tal-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna.
    Agħfas hawn biex issegwi l-Konferenza Stampa.

  • Ritratti: Photocity, Valletta.
    www.photocitymalta.com