L‑Arċisqof Charles Scicluna llum ħalla Malta għall-Vatikan sabiex ikompli jagħti sehmu fis-Sinodu tal‑Isqfijiet dwar is‑Sinodalità li se jsir bejn it-2 u s-27 ta’ Ottubru li ġej. Hu wieħed mill-464 parteċipant mid-dinja kollha fejn se jkollhom l-opportunità jisimgħu, jirriflettu u jitolbu dwar il‑ġid tal‑ħidma pastorali tal‑Knisja.
It-tieni u l-aħħar sessjoni tas-Sinodu se jkunu mibnija fuq dak li ħareġ mill-ewwel sessjoni tas-Sinodu s-sena li għaddiet. It-tliet mistoqsijiet prinċipali huma: kif il-Knisja tista’ tinkorpora aħjar l-għaqda ma’ Alla u mal-umanità, taqsam id-doni tagħha fis-servizz tal-Evanġelju, u tistabbilixxi proċeduri u strutturi biex tkun Knisja missjunarja u li timxi verament flimkien.
L‑Arċisqof Charles Scicluna qal: “Il-Knisja mhix tal-isqfijiet u s-saċerdoti, il-Knisja hi aħna lkoll. Għalhekk, is-Sinodu hu opportunità sabiex bħala membri tal-Knisja nkunu mezz ta’ għaqda, nieħdu sehem flimkien fil-ħajja tal-Knisja u nkunu missjunarji li ma nibżgħux nagħtu xhieda ta’ Ġesù.”
Lejlet il-bidu tas-Sinodu, il-Papa Franġisku se jmexxi velja penitenzjali fil-Bażilika ta’ San Pietru. Kulħadd hu mistieden jattendi, b’mod partikolari ż-żgħażagħ sabiex iwasslu l-kelma ta’ Ġesù lil sħabhom u jikkontribwixxu fil-missjoni tal-Knisja. Waqt dan il-mument ta’ talb u qrar, tliet persuni se jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar id-dnub tal-abbuż, il-gwerra u l-indifferenza għall-kriżi tal-migrazzjoni li dejjem qed tiżdied.
Għall-ewwel darba matul is-Sinodu, fid-9 u s-16 ta’ Ottubru, il-pubbliku u l-ġurnalisti se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’erba’ forums teoloġiċi u pastorali dwar ir-rwol tal-Poplu ta’ Alla, l-awtorità tal-isqfijiet, ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja lokali u dik universali, u r-relazzjoni bejn l-awtorità tal-Papa u l-proċess kollaborattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet waqt is-Sinodu.
Matul is-Sinodu, il-Knisja se tfakkar it-62 sena mill-ftuħ uffiċjali tal-Konċilju tal-Vatikan II b’servizz ekumeniku għall‑parteċipanti li se jsir fil-11 ta’ Ottubru fil-Pjazza tal-Ewwel Martri Rumani, maġenb il-Bażilika ta’ San Pietru.
Aktar dettalji dwar is‑Sinodu jinkisbu minn synod.va.