Waqt iż-żmien tar-Randan, l-Oratorji tal-Ġiżwiti qed joffri programm kulturali t’arti, u spiritwalità. Il-programm dan ix-xahar jiċċelebra s-sehem tan-nisa fl-istorja, il-mużika, u r-reliġjon.
L-ewwel attività hi kollaborazzjoni mużikali speċjali ma’ Opera Nova nhar il-Ħamis 6 ta’ Marzu fis-7:30pm. Dan il-programm se jlaqqa’ flimkien lis-soprani Dorothy Bezzina u Mardy Farrugia, it-tenur Tom Armitage, u l-pjanista Elaine Mercieca. Il-kunċert jinkludi siltiet ta’ Schumann, Schubert, u Strauss.
L-Oratorji ser jiċċelebraw il-Jum Dinji tal-Mara b’taħdita speċjali nhar is-Sibt 8 ta’Marzu fil-5pm minn Prof. Valerie Visanich. It-taħdita, li ġġib l-isem ta’ ‘Reframing the Gaze: Women’s Representations & Contestations in Popular Culture’, tħares lejn ix-xbiha tal-mara fil-kultura kontemporanja.
Nhar il-Ħamis 13 ta’ Marzu fis-6:30pm ser tittella’ taħdita dwar Katerina de Mediċi, reġina ta’ Franza fis-seklu 17, minn Prof. Céline Borello mill-Università ta’ Le Mans. Din it-taħdita ser issir bil-Franċiż, iżda ser ikun hemm informazzjoni bl-Ingliż.
Nhar il-Ħadd 16 ta’ Marzu mit-3pm sas-6pm l-Oratorji ser ikunu miftuħin għall-pubbliku għal żjarat gwidati ma’ Pietre Vive Malta. Din hi opportunità sabiex wieħed jesperjenza l-Oratorji minn perspettivi artistiċi u spiritwali ġodda. Dawn iż-żjarat huma bla ħlas u jiġu offruti fuq bażi ‘first come first served.’
Nhar il-Ħamis 20 ta’ Marzu fis-7:30pm se ssir serata bl-isem ta’ ‘Il-Viżjonijiet ta’ Santa Maria Maddalena de Pazzi’ li tlaqqa’ flimkien il-letteratura, it-teatru, u l-ispirtwalità. Santa Maria Madalena de Pazzi kienet soru Karmelitana mistika tas-seklu 16, li l-viżjonijiet tagħha ġew dokumentati minn ħutha s-sorijiet. L-attriċi Sharon Bezzina, taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Galea, ser tinterpreta waħda mill-viżjonijiet tagħha marbuta mal-Passjoni ta’ Kristu f’din il-wirja madwar spazji differenti. Is-serata ser tibda b’taħdita qasira minn Rev. Prof. Charlo Camilleri O.Carm. Is-serata hija b’xejn iżda l-postijiet huma limitati. Il-bookings jistgħu jsiru billi tintbagħat email lil [email protected].
L-aħħar attività tax-xahar hi kunċert nhar il-Ħamis 27 ta’ Marzu fis-7:30pm. Alexandra Scicluna (mezzo sopran), Clara Galea (flawt), u Anne Marie Camilleri Podestà (arpa) jippreżentaw programm ta’ mużika Franċiża meditattiva, li tinkludi siltiet minn Nadia u Lili Boulanger, li rari jindaqqu.
L-attivitajiet kollha tal-programm ser isiru fl-Oratorji tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, u huma kollha b’xejn, iżda donazzjonijiet huma milqugħa. Minbarra l-attivitajiet tal-programm kulturali, issir ukoll liturġija regolari fl-Oratorji. Għal aktar informazzjoni tistgħu ssibu l-Oratorji fuq il-media soċjali bħala The Jesuits’ Church Foundation.