• Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

    10 ta’ Mejju 2019

    Hu pjaċir tiegħi li nkun magħkom għal din il-wirja li hija t-13-il edizzjoni minn meta Caritas Malta organizzat l-ewwel waħda madwar 15-il sena ilu. Hi wirja li tesprimi l-ġmiel u wieħed mill-iskopijiet tal-Knisja f’Malta hu sewwasew li tippromwovi l-ġmiel.

    Din is-sena hija edizzjoni speċjali għax qed nikkomemoraw il-50 sena mit-twaqqif ta’ Caritas Malta. Għalhekk, ġew avviċinati 50 artist biex jieħdu sehem f’din il-wirja tal-arti fejn l-artisti jesprimu t-talenti tagħhom b’diversità kbira ta’ xogħlijiet.

    Nifraħ lill-artisti tax-xogħlijiet tagħhom u nirringrazzjahom li qed jikkontribwixxu persentaġġ mill-bejgħ tal-arti tagħhom li jgħaddi b’risq Caritas, li sservi lis-soċjetà b’ħafna servizzi bla ħlas. Hi ħaġa sabiħa ħafna li l-artisti li jikkontribwixxu jagħmlu dan għax jemmnu fil-ħidma ta’ Caritas ma’ dawk l-aktar vulnerabbli.

    F’din l-edizzjoni qed jesebixxi, ma’ ħafna artisti rinomati, eks klijent li waqt li kien fil-vjaġġ tiegħu ta’ rijabilitazzjoni skopra li għandu dan it-talent tal-arti. Nixtieq nifraħlu u ninkoraġġih f’din l-esperjenza tiegħu.

    Permezz ta’ dawn l-inizjattivi Caritas tiġi mgħejjuna finanzjarjament, grazzi lil dawk li se jixtru u li b’hekk se jkunu qed jissapportjawha biex tkompli taħdem għall-ġid tas-soċjetà billi tippromwovi l-ġustizzja soċjali, taħdem kontra l-faqar u favur l-iżvilupp sħiħ tal-persuna.

    Għalhekk ma nistgħux f’din l-okkażjoni ma nurux id-dispjaċir kbir għal dak li seħħ illum fil-Baħar Mediterran viċin il-kosta tat-Tuneżija meta, skont ir-rapporti, għerqu mas-70 ruħ.

    Il-ħidma li Caritas tagħmel f’isem il-Knisja f’Malta hi ħidma b’risq kull bniedem u d-dinjità tiegħu u tagħha. Għal Caritas il-ħajja umana hi għażiża u sagra, kemm meta għadha fil-bidu tagħha fit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha. Għalhekk ma nistgħux f’din l-okkażjoni ma nurux id-dispjaċir kbir għal dak li seħħ illum fil-Baħar Mediterran viċin il-kosta tat-Tuneżija meta, skont ir-rapporti, għerqu mas-70 ruħ. Hi aħbar tassew kerha u ta’ niket. Inħeġġiġkom biex mhux biss nitolbu għall-vittmi u l-familji tagħhom, imma wkoll inkomplu naħdmu bis-sħiħ bl-ispirtu ta’ Caritas, favur dawk li għandhom ħajjithom mhedda, dawk li huma l-aktar vulnerabbli, dawk li huma f’xi bżonn ta’ għajnuna.

    Grazzi lil tant volontarji li jaħdmu fi ħdan Caritas, grazzi lilkom ilkoll preżenti, u nkomplu nagħtu l-appoġġ tagħna lil dan is-servizz hekk importanti tal-Knisja f’Malta.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti