L-Assemblea Djoċesana tal-Knisja f’Malta se tiltaqa’ nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Settembru u s-Sibt 18 ta’ Settembru ġewwa ċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK), f’Birkirkara. Din is-sena, l-Assemblea Djoċesana se tiffoka fuq żewġ suġġetti relatati: ‘L-isfida ta’ evanġelizazzjoni ġdida għall-Knisja f’Malta’, u ‘Il-qalb pastorali tal-Knisja f’Malta’. F’dawn il-jumejn se jkun l-Arċisqof stess li jippresiedi din l-Assemblea u li se jippreżenta l-vizjoni tiegħu fuq dawn iż-żewġ suġġetti.
L-Assemblea Djoċesana hi avveniment annwali li tlaqqa’ flimkien lill-mexxejja u r-rappreżentanti tal-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta. Fost dawn insibu l-membri tal-Kunsill Presbiterali u tal-Kunsill Pastorali Djoċesan, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, id-delegati tas-segretarjati u l-presidenti tal-kummissjonijiet djoċesani, il-kappillani, il-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti tal-Knisja, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u l-membri tal-kummissjonijiet għall-implimentazzjoni tas-Sinodu.
Din hi s-seba’ Assemblea Djoċesana minn meta ntemm is-Sinodu Djoċesan fl-2003. Is-Sinodu laqqa’ rappreżentanti tal-komunita’ Nisranija f’Malta biex jagħmel revizjoni tal-ħajja tal-Knisja fi żminijiet tal-lum. Fi tmiem dan is-Sinodu kien ġie deċiż li l-Assemblea titlaqqa’ kull sena biex tkompli tmexxi ‘l quddiem l-ispirtu tas-Sinodu u l-implimentazzjoni tiegħu, u tkompli tkun okkażjoni ta’ diskussjoni libera u kostruttiva fil-ħajja tal-Knisja.