-
Il-Knisja f’Malta se tlaqqa’ l-Assemblea Djoċesana nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ottubru u s-Sibt 11 ta’ Ottubru, ġewwa s-sala prinċipali tal-Iskola Santa Monika, B’Kara. It-tema magħżula, ispirata mill-Papa Franġisku, hi ‘Knisja qaddejja tal-bniedem, qaddejja tal-ħajja’. Fid-dawl ta’ din it-tema, il-jumejn tal-Assemblea se jkunu jittrattaw dawn iż-żewġ suġġetti:
- Il-ministerjalità fil-Knisja – jiġifieri b’liema mod il-Knisja tista’ tkun aktar qaddejja tal-bniedem tal-lum, fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu qaddej, u kif f’dan is-servizz jistgħu jagħtu sehem lajċi, reliġjużi, u membri tal-kleru.
- Il-ħidma favur il-ħajja umana. Il-ħajja tal-bniedem hi prezzjuża, u għandha valur mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Hi għażiża f’kull waqt tal-ħajja. Allura b’liema mod il-Knisja tista’ tkun aktar qaddejja tal-ħajja fid-dawl tal-isfidi differenti li jeżistu fis-soċjetà llum u li se jkun hemm fil-ġejjieni.
F’dawn iż-żewġ oqsma, l-Assemblea tkun qed tagħti kontribut għall-Pjan Pastorali 2015 -2017 tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, li se jkun mibni fuq ‘Knisja qaddejja tal-bniedem, qaddejja tal-ħajja’.
Din hija l-ħdax-il Assemblea minn wara s-Sinodu Djoċesan. L-Assemblea baqgħet tiltaqa’ kull sena, mis-Sinodu ’l hawn, bil-ħsieb li tistudja s-sitwazzjoni tal-Knisja f’Malta llum, fid-dawl tat-tema magħżula, u d-direzzjoni li għandha tieħu fil-ġejjieni.
L-Assemblea tkun ippreseduta mill-Arċisqof flimkien mal-Isqof Awżiljarju. Għaliha jkunu mistiedna kemm il-membri tal-kunsilli l-aktar importanti tal-Knisja li jagħtu parir lill-Arċisqof, kif ukoll il-mexxejja u rappreżentanti mill-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta. Fost dawn, id-delegati tal-Arċisqof, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-kappillani, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u l-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti Kattoliċi.Wara l-Assemblea Djoċesana, matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru, f’kull parroċċa f’Malta ssir Assemblea Parrokkjali. Il-ħsieb hu li l-parroċċa tagħraf aktar dak li Papa Franġisku qed jitlob minnha llum u tfassal Pjan 2015-2017 ispirat minn din il-viżjoni u li jiffoka b’mod speċjali fuq dawn it-tliet oqsma: il-ħidma pastorali ma’ dawk fil-periferija; iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd; il-ħidma pastorali mal-familja. Għall-Assemblea tal-parroċċa hu mistieden kull min b’xi mod hu involut fil-ħidma tal-parroċċa, imma wkoll il-parroċċani kollha li jinteressahom u jixtiequ jaraw parroċċa dejjem aktar ħajja.
Kif jgħid il-Papa Franġisku f’Il-Ferħ tal-Evanġelju, 114: “Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-Evanġelju”. - Il-ministerjalità fil-Knisja – jiġifieri b’liema mod il-Knisja tista’ tkun aktar qaddejja tal-bniedem tal-lum, fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu qaddej, u kif f’dan is-servizz jistgħu jagħtu sehem lajċi, reliġjużi, u membri tal-kleru.