-
-
Fl-ewwel jum tal-Assemblea Djoċesana 2017, il-Ġimgħa 24 ta’ Novembru, il-Vigarju Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni, Fr René Camilleri, ippreżenta proposta ta’ strateġija għall‑evanġelizzazzjoni mifruxa fuq tliet snin, bħala parti mill‑pjan pastorali għall‑Arċidjoċesi li qed isir bħalissa.
Il-punti ewlenin tal-proposta ta’ strateġija għall‑evanġelizzazzjoni:
- Perspettiva Biblika: Esdra u Neħemija quddiem sitwazzjoni ta’ poplu konfuż u mitluf, riedu jagħtuh lura l-identità vera tiegħu. Dan il-qafas bibliku qed jintuża biex jgħinna nifhmu s-sitwazzjoni tagħna llum, l-esiġenzi l-ġodda tal-poplu t’Alla f’din is-sitwazzjoni, u kif, b’sens profetiku se nwieġbu għal dak li l-Mulej qed jispirana dwaru.
- F’Evangelii Gaudium l-Papa Franġisku jpoġġi bħala fażi integrali mill-evanġelizzazzjoni l-konverżjoni u r-riforma tal-Knisja u jisħaq li neħtieġu bidla fir-rotta biex ma nħallux l-affarijiet kif inhuma llum. L-amministrazzjoni tal-affarijiet m’għadhiex biżżejjed.
- Analiżi tas-sitwazzjoni tal-Knisja f’Malta bħalissa, bil-barkiet, id-diffikultajiet, u l-isfidi li qed tiffaċċja u jipprovdi tentattiv ta’ strateġija biex inkunu kuraġġużi u kreattivi fl-azzjoni pastorali tagħna, imma anke f’deċiżjonijiet li jeħtieġ nieħdu fejn tidħol governanza u kontabilità.
- Is-sitwazzjoni: Il-fidi u t-tradizzjoni ta’ valuri Nsara li għaġnu l-kultura tagħna bħala poplu, illum m’għadhomx l-ispirazzjoni ewlenija tal-istil tal-ħajja tal-Maltin, m’għadhomx l-uniku twemmin li l-Maltin iħaddnu, u għaldaqstant m’għadx għandna lingwaġġ komuni fuq kwistjonijiet u domandi fundamentali marbuta mal-istess eżistenza u ħajja tal-bniedem. Mistoqsija: l-istrutturi, il-metodi, u l-aġenti tal-missjoni tal-Knisja f’Malta u tal-azzjoni pastorali tagħna huma adekwati għal din ir-realtà ġdida?
- Il-perspettiva ta’ Alla: Neħemija, quddiem it-tifrik ta’ Ġerusalem, beka, tniehed għal jiem sħaħ u baqa’ sajjem. Imma il-perspettiva ta’ Alla wasslitu jagħraf x’kien meħtieġ isir. Fostna qed iseħħ ukoll il-passaġġ minn Kristjaneżmu ta’ appartenenza għal Kristjaneżmu ta’ konvinzjoni. Tajjeb nistaqsu kemm dan il-passaġġ qed ikun rifless fl-aġġornament tal-ministeru pastorali. Il-missjoni tagħna mhix neċessarjament dak li qed nagħmlu.
- Il-bini mill-ġdid tal-Belt: Il-fidi għal ħafna minn nies tagħna hi jew ossessjonata bil-privat, ċertu individwaliżmu spiritwali, jew inkella l-manifestazzjoni pubblika tagħha tikkonsisti kważi esklussivament fir-reliġjożità, u iktar speċifikatament fit-tradizzjonijiet reliġjużi u fil-festi. Dan jista’ ineżża’ l-fidi mill-qawwa tagħha li ssalva u li jkollha impatt fuq il-ħajja pubblika. Evangelii Gaudium tipproponi għażla ċara biex l-azzjoni missjunarja tkun għas-servizz tat-tama evanġelika u tal-Vanġelu tal-ħniena. Biex il-Knisja tħabbar il-ferħ tal-Vanġelu f’dinja li hi vittma ta’ diversi poteri, jeħtieġ li l-ewwel tgħaddi minn konverżjoni missjunarja u pastorali. Il-Knisja f’Malta mhemmx dubju li għandha preżenza qawwija ta’ Djakonija permezz ta’ tant entitajiet u organizzazzjonijiet li ilhom u għadhom jaħdmu b’risq is-soċjetà in ġenerali imma l-iktar b’risq tant nies li qegħdin fil-periferiji tas-soċjetà. Din hija presenza ta’ barka li lill-Knisja tagħmlilha ġieħ. Imma mbagħad hemm presenza oħra li l-Knisja trid taħdem għaliha wkoll fir-realtà tal-lum : il-vuċi tal-Knisja li fis-soċjetà kif inhi għadha tista’ toffri l-kontribut imprezzabbli b’risq il-ġid komuni.
- Il-bini tal-Assemblea ta’ Alla: Meta permezz ta’ Esdra u Neħemija Ġerusalem imġarrfa reġgħet inbniet, l-assemblea saret importanti ħafna. L-isfida mhux żgħira li għandna quddiemna llum hi li nkunu kuraġġużi u kreattivi u noħolmu kif se nibnu l-Knisja mill-ġdid. Meta l-Papa Franġisku jgħid li jeħtieġ inbiddlu r-rotta, qed jitkellem anke fuq dak li fil-fatt jikkostitwixxi l-essenza tal-Knisja. Fost l-elementi essenzjali li jagħmlu Knisja ħajja u li jibqgħu jibnu mill-ġdid lill-Knisja fiż-żmien hemm il-Predikazzjoni, il-Primat tal-Kelma, il-Katekeżi, il-Liturġija, li l-Knisja tkun komunità li titlob, Lajkat iffurmat u l-Ministeru tal-Qassis. Dawn huma oqsma li għandhom ikunu ta’ priorità għalina llum meta qed niddixxernu, fid-dawl tar-realtà madwarna, il-Knisja x’jagħmilha Knisja ħajja u dik li tassew jeħtieġu n-nies.
- Il-proġetti pilota: Fuq il-firxa tat-tliet snin li ġejjin (2018 – 2019 – 2020) se jkunu qed jiġu proposti sitt proġetti pilota li kull sena, kull wieħed minnhom se jinħadem fi 3 jew 4 parroċċi / skejjel differenti.
Proġett 1: Katekeżi ħolistika
Proġett 2: Katekeżi fi stil ta’ Sunday School
Proġett 3: Katekeżi ma’ Persuni b’Diżabilità
Proġett 4: Il-Liturġija f’Jum il-Mulej
Proġett 5 / 6 : Skejjel Primarji / Sekondarji
L-Assemblea Djoċesana tkompli għada s-Sibt, 25 ta’ Novembru 2017, bil-preżentazzjoni tal‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Mons. Charles Cordina, li ser jitkellem dwar il‑mod li l‑Papa Franġisku qed jistieden lill‑Insara jilħqu u jaħdmu mal‑foqra u dawk fil‑periferija. Mons. Cordina ser jippreżenta proposta ta’ azzjoni għat‑tisħiħ tal‑impenn soċjali tal‑Knisja fis‑soċjetà u proġetti pilota ġodda f’dan il‑qasam, bħala t‑tieni parti tal‑pjan pastorali għall‑Arċidjoċesi. L-Assemblea Djoċesana tasal fi tmiemha bil-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna.