Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Marzu 2012, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ipparteċipa fl-assemblea fl-okkażjoni ta’ Jum il-Lajċi, f’Santa Monika, Birkirkara.
“Alla dejjem jgħaqqad id-don tiegħu max-xogħol tal-bniedem u dan minkejja id-dghufija u d-dnub li hemm fina.” Dan kien il-ħsieb prinċipali tal-messaġġ li Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona O.P. wassal lil dawk miġbura għall-assemblea li s-Segretarjat għal-Lajċi jorganizza kull sena biex ifakkar Jum il-Lajċi Nsara. It-tema magħżula għal din is-sena kienet “Il-Lajkat Nisrani u l-Appostolat tal-Lajċi: Teżori u Ġarar tal-Fuħħar.”
Monsinjur Arċisqof fisser li Alla ma jiddejjaqx ifittex il-koperazzjoni ta’ bnedmin dgħajfa u li jiżbaljaw. Imma huwa importanti kif ngħixu din ir-realtà billi ngħarfu id-dgħufija tagħna. Hekk il-bniedem ikun l-aktar b’saħħtu meta huwa dgħajjef għaliex jaf li fih qed jaħdem Alla.
Matul il-laqgha, tkellem ukoll Monsinjur Anton Gouder, Pro-Vigarju Ġenerali, li spjega kif bħala evanġelizzaturi, l-insara jridu jibnu pontijiet ta’ ħbiberija ma’ dawk ta’ madwarhom biex Ġesù jkun jista’ jgħaddi minn fuqhom.
Peress li din is-sena il-Knisja Kattolika tfakkar il-ħamsin anniversarju mill-bidu tal-Konċilju Vatikan II, fil-laqgħa ntwera dokumentarju qasir dwar il-konċilju, ħamsin sena wara.
Id-diskorsi tal-Arċisqof u ta’ Monsinjur Gouder, flimkien ma’ dan id-dokumentarju qegħdin fuq is-sit elettroniku tas-Segretarjat għal-Lajċi (www.laikos.org)
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]