Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, informa lill-media li saret l-ewwel laqgħa tal-Kongregazzjonijiet Ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-Kongregazzjoni tmexxiet mill-Kardinal Angelo Sodano, dekan tal-Kulleġġ, u mill-camerlengo, il-Kardinal Tarcisio Bertone, u s-Segretarju tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, l-Arċisqof Lorenzo Baldisseri. Ilkoll ħadu posthom skond il-ġerarkija u l-post assenjat lilhom hu maħsub biex jiffailita l-vot meta dan jittieħed.
Wara talba tal-ftuħ, il-Kardinal Sodano infurmahom bil-proċeduri tas-Sede Vacante u dwar l-operat tal-Kongregazzjonijiet skont il-Kostituzzjoni Appostolika Universi Dominici Gregis. Ngħatat ukoll direzzjoni dwar l-użu tekniku tal-mikrofni u l-apparat tal-votazzjoni. Il-proċeduri kollha qed ikunu faċilitati b’ħames lingwi: bit-Taljan, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol u bl-Ingliż.
It-Tnejn filgħodu kien hemm 142, minn total ta’ 207, Kardinali preżenti, 103 minnhom eletturi. Matul il-jiem tat-Tlieta u l-Erbgħa mistennija l-wasla ta’ 63 oħra, li jinkludu 12-il Kardinal-elettur ieħor. B’kollox 115-il Kardinal elettur, tnejn inqas minħabba li indikaw li mhux se jieħdu sehem, li huma l-Arċisqof Emeritus ta’ Jakarta, l-Indonesja, u l-Arċisqof Emeritus ta’ St Andrews u Edinbera fl-Iskozja.
Il-Kardinali ħadu ġurament li jżommu sigriet id-deliberazzjonijiet li jridu jsiru dwar l-għażla ta’ Papa ġdid.
Ittellgħu ukoll bix-xorti tliet assistenti għall-camerlengo fl-ewwel tliet ijiem tal-Kongregazzjonijiet tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Intagħżlu l-Kardinal Giovanni Battista Re, mill-Ordni tal-Isqfijiet; il-Kardinal Crescenzio Sepe, mill-Ordni tas-saċerdoti; u l-Kardinal Franc Rode, mill-Ordni tad-djakni. Skont it-tradizzjoni, l-ewwel meditazzjoni wara nofsinhar kienet skedata li tingħata skont it-tradizzjoni mill-Predikatur tal-Papa, li huwa Patri Raniero Cantalamessa.
Il-Kardinali kellhom ukoll ħin jitkellmu bejniethom. 13-il Kardinal indirizzaw il-Kongregazzjoni dwar kwistjonijiet differenti relatati mal-proċeduri.
Patri Lombardi ddeskriva l-ewwel Kongregazzjoni bħala serena, kostruttiva u mill-iktar pożittiva.