Waqt ix-xahar t’Ottubru, xahar iddedikat għall-missjoni, il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jgħix din it-tema b’mod speċjali. Waqt il-ġimgħa ta’ tħejjija għat-tfakkira ta’ Jum il-Missjoni nhar il-Ħadd 20 t’Ottubru, diversi attivitajiet ġew organizzati kemm għall-istudenti kif ukoll għall-istaff.
Iż-żewġ skejjel inġabru għall-quddies fejn semgħu l-esperjenzi ta’ missjoni tal-membri tal-istaff u tal-MSSP matul is-sajf li għadda. L-istudenti tal-iskola sekondarja kellhom l-opportunità li jiltaqgħu online ma’ diversi brothers tal-MSSP li bħalissa qed jgħixu fid-dar Internazzjonali tal-Formazzjoni fil-Filippini. L-istudenti saqsewhom il-mistoqsijiet biex isiru jafu iktar dwar is-sejħa tal-brothers li qasmu l-esperjenzi tagħhom ‘l bogħod minn pajjiżhom.
L-istudenti tal-iskola primarja u tas-Senior 1 irċevew ktieb li ingħata b’mod ġeneruż mill-komunità tal-MSSP. Dan il-ktieb, ‘L-Avventura ta’ Nick u Ella’ ta’ Fr John Curmi, fih stejjer dwar il-ħajja fil-Peru, wieħed mill-pajjiżi li l-istudenti jisimgħu dwaru spiss bis-saħħa tal-missjonijiet tal-MSSP.
L-istudenti kollha, kemm fl-iskola primarja kif ukoll dik sekondarja kellhom l-opportunità li jieħdu l-kolazzjon flimkien. L-ikel ġie pprovdut bħala parti mill-inizjattiva “Kolazzjon għalik u għalija”, b’appoġġ għal NGO lokali li taħdem mill-qrib mal-missjonijiet tal-MSSP fil-Pakistan. Il-proġett attwali tagħhom huwa li jassistu lill-patrijiet tal-MSSP biex jipprovdu kolazzjon kuljum, lil 500 tifel u tifla li jattendu l-iskola tal-MSSP f’ Lahore.
Waqt Special Assemblies, l-istudenti iltaqgħu online ma’ Bro Marco Cabatuando MSSP u Bro David Pace MSSP li ġew ordnati Djakni, u matul is-sena l-oħra ħadmu pastoralment mal-istudenti fil-Kulleġġ. L-istudenti staqsewhom mistoqsijiet dwarhom, dwar il-missjoni tagħhom u dwar il-passi li jmiss fil-mixja vokazzjonali tagħhom.
Waqt l-attivitajiet, l-istaff kellhom l-opportunità li jkunu involuti, jingħaqdu flimkien, u jgħaddu l-valuri missjunarji b’mod li jiġu aprezzati u mifhuma mill-istudenti tagħhom. B’hekk, setgħu jgħixu l-kariżma u l-ispiritwalità tal-fundatur tagħhom, Ġużeppi De Piro waqt li jappoġġjaw lil xulxin u jkunu sensittivi għall-bżonnijiet tal-oħrajn, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa u emarġinati.