-
Fl-okkażjoni tal-festi ta’ żmien il-Milied u l-bidu tas-Sena l-Ġdida, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku sede vacante, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. u l-Arċisqof Emeritu Ġuzeppi Mercieca, nhar il-Ħadd 28 ta’ Diċembru ser jilqgħu lil kull min jixtieq iżurhom għal bdil tal-awguri tal-istaġun, bejn l-10.00 a.m. u nofsinhar.
Il-bdil tal-awguri ser isir fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Minħabba raġunijiet ta’ aċċessibilità, ser ikun miftuħ il-bieb ta’ San Kalċedonju fi Triq Vinċenzo Buġeja (u mhux il-bieb prinċipali). Dakinhar, għall- ħabta tal-10.30 a.m. l-Isqof Scicluna ser jgħaddi messaġġ lil dawk preżenti.
Lejliet l-Ewwel tas-Sena, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku sede vacante, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. u l-Arċisqof Emeritu Ġuzeppi Mercieca, ser jilqgħu lill-awtoritajiet tal-Istat u lill-korpi kostitwiti għall-bdil tal-awguri, fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta.