Fl-okkażjoni tal-festi ta’ żmien il-Milied u l-bidu tas-Sena l-Ġdida, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Arċisqof Emeritus Ġuzeppi Mercieca, nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru se jilqgħu lil kull min jixtieq iżurhom għal bdil tal-awguri tal-istaġun, bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar.
Din is-sena wkoll, l-bdil tal-awguri se jsir fil-Kurja tal-Arċisqof, Floriana, minħabba raġunijiet ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità. Għal dan il-għan se jkun miftuħ għan-nies il-bieb ta’ San Kalċedonju fi Triq Vincenzo Bugeja (u mhux il-bieb prinċipali). Dakinhar, għal ħabta tal-10.00 a.m. l-Arċisqof jgħaddi messaġġ lil dawk preżenti.
Il-Kurja ntant ħassret il-festin tal-Milied li torganizza ta’ kull sena b’sinjal ta’ rispett għall-mewt tal-Isqof Annetto Depasquale. Minflok ser issir Quddiesa b’suffraġju għal ruħu.
Fl-Ewwel tas-Sena, filgħodu, l-Isqfijiet se jkunu fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt fejn dakinhar huma jilqgħu lill-awtoritajiet tal-Istat u lill-korpi kostitwiti għall-bdil tal-awguri.