Wara l-festa ta’ Pentekoste l-Ħadd li għadda, iż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika bdew tħejjija spiritwali fi tliet stadji għall-Jum Dinji taż-żgħażagħ f’ Madrid fl-2011.
“Huwa l-mument li nibdew pellegrinaġġ spiritwali bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Madrid, billi nippreparaw qalbna u moħħna”, qalet Chiara Finocchietti, Viċi President tal-fergħa Taljana taż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika. “Fiċ-ċentru ta’ din il-mixja inpoġġu t-talb u l-appoġġ lill-qaddisin”.
Mexxejja tal-Azzjoni Kattolika qed jipproponu pellegrinagg spiritwali lejn dawk il-pajjiżi fejn il-grupp huwa attiv. Tlettax-il stadju. Kull pass tal-vjaġġ, li jiżviluppa f’laqgħat kull xahar, joriġina minn vers ta’ talb bi tħejjija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u meditazzjoni bibblika minn wieħed mill-vanġeli ta’ dak il-perjodu. Kull meditazzjoni bi ftit introduzzjoni, segwita minn riflessjoni dwar il-Kelma t’Alla. Tagħlaq b’xiehda mill-ħajja ta’ qaddis żagħżugħ jew membru beatifikat tal-Azzjoni Kattolika, b’biografija qasira u xi vrus sinifikanti ta’ dak il-qaddis, kif ukoll x’ikun qal dwaru jew dwarha l-Papa.
Il-pellegrinaġġ spiritwali hu maħsub għal talb individwali kif ukoll għall-grupp, fuq livell parrokkjali u anki djoċesan. Il-meditazzjonijiet jistgħu faċilment jiġu printjati, ikkuppjati u mqassma. Finocchietti temmet tgħid li dan jista’ jkun ta’ okkażjoni għall-individwu biex jiltaqa’ ma’ żgħażagħ ġodda minn gruppi oħra u jaqsam magħhom il-ħsibijiet u l-attitudni tiegħu lejn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Madrid.
L-ewwel meditazzjoni li bdiet fil-Ħadd ta’ Pentekoste u ttul sal-20 ta’ Ġunju hi mdawwla mill-figura ta’ Pier Giorgio Frasati, padrun tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid. L-20 anniversarju mill-beatifikazzjoni ta’ Frasati tfakkar nhar il-Ħamis li għadda.