-
-
*****
Diretturi: Eric Summer u Eric Warin
Ilħna: Elle Fanning, Dane DelHaan, Maddie Ziegler, Carly Rae Jepsen, Elena Dunkelmar u Shoshana Sparling
Ħin tal-Film: 89 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: U
Ninsabu fis-sena 1879, Felicie, tifla orfni ta’ ħdax –il sena, tgħix ġewwa orfanatrofju. Hi spiss kienet toħlom li xi darba ssir ballerina famuża iżda sfortunatament qatt ma kellha l-opportunita’ li jkollha taħrig formali. L-uniku tama li kellha li din il-ħolma sseħħ kienet li taħrab minn Brittany u tmur Pariġi. Victor, ġuvnott tal-istess eta’, kien lest li jgħinha biex tagħmel dan. Il-pjan biex jaħarbu ġie mħejji b’reqqa kbira iżda kellha tkun ix-xorti li għenithom biex din tirnexxi. Hekk kif jaslu Pariġi, għal xi żmien, jitilfu l-kuntatt bejniethom. Felicie minnaħa tagħha ssib ruħha qrib it-teatru li Victor kien ta r-ritratt tiegħu. Dan it-teatru, il-ġmiel tiegħu, kienu ttellgħu opri u serati ta’ żfin. Hawn b’xorti tajba tiltaqa’ ma’ Odette, qaddejja, li kienet tieħu ħsieb l-indafa tal-post. Odette xi żmien qabel kienet ballerina famuża iżda nċident jidher li ġab fix-xejn il-kariera tagħha. Odette wriet mill-ewwel li kienet lesta li tgħinha. Sabet ukoll għajnuna minn Victor issa li reġa’ ltaqa’ magħha. Hu minnaħa tiegħu kien sar ħabib mal-inġinier famuż Gustav Eiffel li kien qiegħed jibni t-Torri Eifel u l-iStatwa tal-Liberta’ li l-gvern Franċiż kien sejjer jiddona lil poplu Amerikan. Victor kien sab xortih u l-ħolma tieghu li ssir inġinier bdiet isseħħ. Sadanittant, b’mod jew ieħor, Felicie rat kif għamlet biex tindieħes qalb il-ballarini żgħar li kienu qegħdin jitħarrġu minn għalliem famuż tal-ballet u li kien qiegħed jħejji lil dawn biex waħda minnhom tieħu sehem fl-opra: The Nut Cracker. Biex jirnexxielha tagħmel dan, biddlet isimha iżda ma tantx għadda żmien li ma sabux il-vera identita’ tagħha. X’jiġri minn hawn? Problema oħra li kellha ssib ma’ wiċċha kienet l-oppożizzjoni ħarxa ta’ omm waħda mill-ballerini żgħar.
Film animat u mużikali bi 3D, hu fantasija ta’ avventura ħelwa, taħt id-direzzjoni ta’ Eric Summer u Eric Warin, b’kitba ta’ Summer, Carol Noble u Laurent Zeitoun. L-avventura ta’ Felicie u Victor għandha togħġob lil kulhadd, kbar u żgħar. Hemm messaġġi pożittivi ħafna fejn turi l-ħbiberija ġenwina bejn iż-żewġ it-tfal u anke l-aspirazzjoni u l-kuraġġ li dawn kellhom biex isseħħ il-ħolma tagħhom.