• ****

    Direttur: Martin Scorsese

    Atturi: Andrew Garfield, Adam Driver, Tadanobu Asano Ciaran Hands u Liam Neeson

    Ħin tal-Film: 2h 41 min

    Maħruġ minn KRS Releasing  Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15

    Fis-seklu sbatax, żewg patrijiet Ġiżwiti, Sebastiao Rodrigues u Francisco Garrpe jiddeċiedu li jmorru ġewwa l-Ġapan wara  li s-superjur tagħhom għarrafhom, b’sogħba kbira, li  l-missjunarju  Father Cristovao Ferreira ma baqgħax iktar Ġiżwita billi taħt tortura kien ċaħad il-fidi tiegħu. Barra hekk, issa, kien qiegħed jgħix ħajja ta’ miżżewweġ bi tfal. Fr. Ferreira kien il-Ġiżwita li kien għenhom ħafna biex jimxu fuq il-passi tiegħu u jsiru Ġiżwiti missjunarji. Kienu jaħilfu għalih u din l-aħbar kienet l-ikbar xokk għalihom. It-tnejn ma riedux jemmnu b’dak li semgħu u biex jaċċertaw ruħhom, talbu l-permess biex huma stess jmorru l-Ġapan bħala missjunarji u jaraw kienx minnu dak li ntqal fuq Fr.Ferreira. Li wieħed imur f’dan il-pajjiż kienet haġa ta’ ġenn ghaliex kienu semgħu bil-persekuzzjoni ħarxa u qalila li kienet faqqet kontra l-insara. Min kien jinqabad li kien nisrani kellha tistennieh mewta ċerta wara torturi tal-biża’, dan jekk ma kienx lest li jiċħad il-fidi tiegħu u jitfa’ taħt riglejh xbieha kristjana. Din il-persekuzzjoni gewwa il-Gappan faqqet meta kien imexxi Kakure Kirishitan wara li kien irnexxielu jfarrak ir-Ribelljoni Shimabara (1637 – 1638) li fiha kienu mdaħħlin il-Kattolici. Għalkemm ġew imwissija li kien ta’ periklu kbir li jmorru l-Ġapan, huma kienu lesti biex jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ kull problema li setgħu jiltaqgħu magħha. Żgur qatt ma bassru x’kien qiegħed jistenniehom!  B’xi mod jew ieħor, Rodrigues u Garrpe jaslu l-Ġapan kladestinament u jiġu milqugħa minn grupp ta’ nsara fqar ħafna li kienu għadhom nsara bil-moħbi. Xejn ma ferħu meta fosthom ġew żewg missjunarji Ġiżwiti biex jqawwuhom fil-fidi. Tgħid isibu l-verita’ ta‘ x’kien sar minnu Fr. Ferreira? Il-film jurina l-perikli kbar li daħlu għalihom, il-ħruxijiet fit-torturi li raw b’għajnejhom u kif wara  kollox kellha tintemm il-ġrajja għal dawn iż-żewġ missjunarji Ġiżwiti .

    Film Amerikan storiku, msejjes fuq in-novella miktuba fl-1966 minn Shusaki Endo’, nisrani Ġappuniż. Il-film hu taħt id-direzzjoni tal-famuż direttur, Martin Scorsese. Minħabba li l-film jittratta temi reliġjuzi delikati ħafna kif ukoll ħafna vjolenza, torturi orribbli  li jimpressjonaw u esekuzzjonijiet, ikun tajjeb li l-film aħjar jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.