L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej fuq il-muntanja hi ġrajja li baqgħet stampata fil-moħħ u fil-qalb ta’ dawk it-tlett iħbieb ta’ ġewwa li Ġesù ħa miegħu – Pietru, Ġwanni u Ġakbu.
X’jiġri fuq din il-muntanja? Ġesù, jgħidilna San Luqa fl-Evanġelju, tela’ hemm bi skop: biex jitlob. U kien proprju huwa u jitlob li sseħħ bidla li jistgħu jarawha t-tlett iħbieb: fid-dehra ta’ wiċċu, u l-ilbiesi li saru ta’ bjuda li tgħammex. Il-bidla ma sseħħx biss fid-dehra ta’ Ġesù, imma wkoll għax jitfaċċaw jitkellmu ma’ Ġesù, Mosè u Elija, u jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu f’Ġerusalemm.
Kienet dehra qawwija ħafna u sabiħa, tant li Pietru xtaq li kieku ma tispiċċax. Għalhekk jgħidlu: “Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Innutaw kif fis-sbuħija tad-dehra, Pietru lanqas jitkellem għalih u għaż-żewġ sħabu.
Nafu li din kienet dehra qasira, ma damitx wisq. Ftit wara, kollox reġa’ ġie għan-normal. Imma din l-esperjenza unika għal dawn it-tliet dixxipli baqgħet fil-memorja tagħhom tul is-snin, u speċjalment wara l-passjoni u l-qawmien ta’ Ġesù. Nixtieq inħarsu ftit lejn dak li din il-ġrajja tgħidilna għall-ħajja tagħna.
Talb
L-ewwel nett, din il-ġrajja tkellimna fuq it-talb. Ġesù tela’ fuq il-muntanja biex jitlob, u kien waqt it-talb li seħħet din l-esperjenza sabiħa. It-talb għandu fih il-qawwa tat-trasformazzjoni, tal-bidla. It-talb hu minnu nnifsu esperjenza li tgħinna nagħrfu l-identità tagħna, u nagħrfu dak li Alla jrid minna. Lil Ġesù kemm-il darba narawh iwarrab u jinġabar fit-talb, kultant anke meta n-nies qed jistaqsu għalih. Iktar ma kien ikun imħabbat, iktar ma kien ikollu x’jagħmel, iktar kien ifittex ħin twil fit-talb. Il-ħajja mimlija li kellu ma begħditux mit-talb, ma tellfitux, imma mexxietu għal ġot-talb. Lid-dixxipli tiegħu dejjem għallimhom dan.
Dan hu messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Fit-talb, aħna niskopru aktar lilna nfusna, dak li Alla jrid minna. Hawnhekk, fl-aħħar ta’ din il-ġrajja, jinstema’ dak il-leħen tal-Missier li jgħid: “Dan hu ibni l-maħtur: lilu isimgħu!” Hu fit-talb li aħna nistgħu nisimgħuh, u nagħrfu r-rieda tiegħu.
Togħma
B’din l-esperjenza, Ġesù ried ukoll jagħti lil dawn it-tliet dixxipli tiegħu togħma ta’ dak li kellu jseħħ meta jqum mill-mewt, il-glorja li tiġi fil-qawmien tiegħu. Interessanti li din il-ġrajja tiġi fl-Evanġelju ta’ San Luqa bejn żewġ tħabbiriet li Ġesù jagħmel tal-passjoni tiegħu, fejn jgħid lid-dixxipli li jeħtieġ li jbati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u fit-tielet jum iqum.
Fit-talb, aħna niskopru aktar lilna nfusna, dak li Alla jrid minna
Hawn għandna togħma ta’ dak li kellu jseħħ, bil-għan li tgħin lid-dixxipli li kellhom jgħaddu mit-trawma tal-passjoni biex ma jaqtgħux qalbhom meta jaraw kollox jispiċċa fil-passjoni u l-mewt tiegħu. Ried jagħtihom din l-esperjenza biex meta fil-passjoni lil Ġesù jarawh wiċċu mkasbar u kkalpestat, jiftakru f’dik id-dehra sabiħa ta’ wiċċu; u meta jarawh imneżża’ minn ħwejġu, jiftakru f’dik id-dehra tal-ilbies ta’ bjuda li tgħammex. U meta jarawh fil-passjoni msallab bejn żewġ ħallelin, li t-tnejn kienu kriminali, jiftakru f’din id-dehra fejn kien maġenb Mosè u Elija, li jirrappreżentaw il-liġi u l-profeti. Għalhekk lid-dixxipli tahom din l-esperjenza biex ’il quddiem jiftakru f’dak li seħħ fuq il-muntanja u jiftakru li l-mewt ma kinitx l-aħħar kelma, imma t-triq li twasslu għall-glorja.
Il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù twassal lilna wkoll il-messaġġ li t-triq tas-salib hi t-triq li twassal għall-glorja. Ġesù kien qal lid-dixxipli – u dan insibu proprju qabel ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni – li min irid jiġi warajh għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajh. Hu permezz tas-sagrifiċċju u t-tbatija li aħna nistgħu naslu għall-glorja.
Ngħas
Issa innutaw dettall mill-ġrajja, kif irrakkuntata minn San Luqa: naqraw li Pietru, Ġwanni u Ġakbu “kienu mejtin bin-ngħas, iżda baqgħu mqajmin sewwa”. Kienet tant esperjenza sabiħa li avolja mejtin bin-ngħas, baqgħu mqajmin.
Ħa mmorru ftit għal xena oħra, iktar tard: meta Ġesù jmur mal-istess nies, ma’ dawn it-tliet dixxipli tiegħu, fuq għolja oħra, din id-darba tal-Ġetsemani ftit qabel il-mewt tiegħu. Nixtieq li ninnotaw ftit id-differenza bejn dawn iż-żewġ ġrajjiet. Fil-Ġetsemani, Ġesù wkoll imur jitlob u jħeġġeġ lil ħbiebu biex jitolbu miegħu. Hi ġrajja ta’ niket u ta’ swied il-qalb din tal-Ġetsemani. Innutaw din id-darba: jgħidilna l-Evanġelju li kienu mejtin bin-ngħas u raqdu. Ġesù jmur tliet darbiet u jsibhom reqdin. It-tliet dixxipli ma kinux ta’ sostenn għalih.
Ġesù lil ħbiebu sabhom viċin tiegħu fil-glorja. Fuq il-muntanja Tabor, kienu mejtin bin-ngħas iżda baqgħu mqajmin. Iżda fil-waqt mill-iktar diffiċli, fil-Ġetsemani, kienu mejtin bin-ngħas u raqdu. F’dak il-waqt lil Ġesù ħallewh waħdu.
Ġesù mhux hekk jagħmel magħna. Hu dejjem qrib tagħna, u l-iżjed fil-mumenti ibsin tal-ħajja tagħna. Il-ħajja tagħna bħala Nsara jkollha l-waqtiet sbieħ u ta’ ferħ u jkollha l-waqtiet diffiċli, ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċju u żminijiet ibsin. Il-preżenza tiegħu hi preżenza li tagħmlilna kuraġġ u ssostnina. Hi l-preżenza ta’ Ġesù li hu s-Salvatur fuq it-Tabor iżda hu wkoll is-Salvatur fuq l-Għolja tas-Salib.
Nitolbu lill-Mulej biex nagħrfu dejjem din il-preżenza tiegħu li ssostnina f’kull mument ta’ ħajjitna, speċjalment fit-tbatija. Nitolbu li niftakru dejjem fil-messaġġ li Ġesù ried jagħti lill-ħbieb tiegħu li t-tbatija mhijiex l-aħħar kelma, imma t-triq tat-tbatija hi t-triq għall-glorja. Nitolbuh li nsegwu dejjem il-parir tal-Missier: “Dan hu Ibni l-maħtur: lilu isimgħu!”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju