“Hu meħtieġ iktar impenn lejn il-ħolqien, kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq livell individwali”, qal dalgħodu l-Papa Benedittu XVI meta laqa’ f’udjenza lill-ambaxxaturi għas-Santa Sede tad-Danimarka, tal-Uganda, tas-Sudan, tal-Kenya, tal-Kazakhastan, tal-Bangladesh, tal-Fillandja u l-Latvja fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-ittri tal-kredenzjali tagħhom.
Skont il-Papa, “ir-risponsabbilta ambjentali tmur id f’id mal-urġenza li tinħass biex jaslu fi tm,iemhom l-iskandli tal-ġuħ u l-miżerja”. Id-degredazzjoni ambjentali hi fil-fatt “theddida diretta għas-salvazzjoni u l-iżvilupp tal-bniedem” kif ukoll “għall-paċi”.
Il-Papa kompla jappella “lill-awtoritajiet politiċi” ta’ dawn il-pajjiżi rispettivi “biex isaħħu l-azzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni tal-ħolqien” u biex jappoġġjaw “il-promozzjoni ta’ ftehim internazzjonali li huma ġusti u li jorbtu lil kulħadd”. Il-Papa kompla li l-isfidi attwali jeħtieġu “mobilizzazzjoni tal-kreattivita u tagħrif min-naħa tal-bniedem”. Temm jgħid li jeħtieġu wkoll “żjieda fir-riċerka applikata” kif ukoll bidla fil-“mudell kurrenti ta’ żvilupp fis-soċjetajiet tagħna” li qal li “għandu jkun orjentat lejn l-idea ta’ żvilupp uman integrali”.