Pope in Benin Logo

Konferenza tal-aħbarijiet fl-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede lbieraħ ippreżentat d-dettalji dwar iż-żjara tal-Papa f’Benin li se tibda nhar il-Ġimgħa u ttul sal-Ħadd, solennita ta’ Kristu Sultan.

Id-Direttur tal-Uffiċju Stampa, il-ġiżwita Federico Lombardi, identifika l-iktar raġunijiet important għar-ritorn tal-Papa fl-Afrika wara l-vjaġġ tiegħu fl-2009 lejn Angola u Cameroon. L-ewwel qal li hemm l-iffirmar tal-Eżortazzjoni Appostolika Post Sinodali tat-tieni Assemblea Speċjali għall-Afrika tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Iċ-ċerimonja tal-iffirmar se ssir fil-preżenza ta’ 35 President ta’ Konferenzi Episkopali u 7 mexxejja ta’ konferenzi reġjonali tal-kontinent. It-tieni,  qal li Benin, pajjiż Afrikan ta’ madwar 9 miljun abitant, minn dejjem kien post ta’ importanza spiritwali għall-Knisja. Kien fil-fatt minn Benin li 150 sena ilu bdiet ħidma sfieqa ta’ tifrix ta’ evanġelizzazzjoni fil-pajjiżi ġirien, minn Togo għall-Ghana u għan-Niġer.

Fi kliemu Patri Lombardi, din iż-żjara tal-Papa ġabet magħha ħafna aspettattivi. “Żgur li se tkebbes atmosfera ta’ tama għall-Knisja Afrikana, li tista’ tkun ta’ inkoraġġiment għall-kontinent sħiħ. Żgur li se tenfasizza problem eżistenti, pero minn perspettiva pożittiva, b’impenn għar-rikonċiljazzjoni, ġustizzja u paċi, u anki impenn għal iżjed tixrid tal-messaġġ tal-vanġelu bħala parti mill-iżvilupp integrali tal-bniedem. Allura, żgur li se jkun vjaġġ kostruttiv”, qal Patri Lombardi.

Ta’ importanza u sinifikat se tkun ukoll iż-żjara li l-Papa se jagħmel fuq il-qabar tal-Kardinal Bernardin Gantin, minn Benin u li miet fl-2008 pero xorta għadu ħaj fil-memorja tal-poplu f’dal-pajjiż. Hu kien ikkunsidrat eroj għall-pajjiż. Dan minbarra r-rabtiet li kellu mal-PAPA Benedittu XVI…kien Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet fiż-żmien li Ratsinger kien Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Kien ukoll Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali.

STATISTIKA DWAR IL-KNISJA F’BENIN

Intant, fi statistika maħruġa dwar Benin, kapitali ta’ Porto Novo, intqal li għandha popolazzjoni ta’ kważi 9 miljun persuna li 34% huma kattoliċi. Fost l-istrutturi li għandha l-Knisja, hemm 338 parroċċa u 800 ċentru parrokjali. Impenjati fil-ħidma tal-Knisja hemm 811-il sċerdot, 1,386 reliġjuż, 30 membru lajk ta’ istituti sekulari u 11,251 katekist. Is-seminaristi minuri jammontaw għal 308 u s-seminaristi maġġuri għal 497. Mat-58,000 student jattendu f’234 ċentru tal-edukazzjoni kattolika, minn kindergarten sal-livell universitarju. Istituzzjonijiet oħra mmexxija minn saċerdoti jew reliġjużi f’Benin  jinkludu 12-il sptar, 64 klinika, 7 djar għall-anzjani u/jew persuni b’diżabilita, 41 orfanatrofju, 3 ċentri ta’ counselling tal-familja u ċentri favur il-ħajja.