-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
31 ta’ Diċembru 2018Qegħdin infakkru l-mument meta t-tarbija Ġesù ssir parti mill-poplu Lhudi mhux biss mid-demm għaliex twieled minn omm Lhudija, imma wkoll billi jsir Bin il-Patt biċ-ċirkonċiżjoni, ritwal li kien introduċa Abraham lil uliedu u lil ulied uliedu u li baqa’ bħala s-sinjal tal-patt bejn Alla u l-bniedem.
Bħal-lum tmint ijiem fuq it-twelid tiegħu, b’din il-liġi atikissima, Ġesù jissottometti ruħu lill-Misser bħala bin ir-rikonċiljazzjoni u wild il-patt. Bir-raġun għalhekk illum il-Knisja wkoll titlob il-barka speċjali tal-paċi għaliex fl-isem li jingħata lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem (Yeshua jew Ġesù), aħna nagħrfu s-salvazzjoni ta’ Alla imma nifhmu li l-Mulej tassew xeħet id-dija ta’ wiċċu fuqna u jurina l-ħniena.
Il-paċi hija don fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna…
Hekk tgħid il-barka li Mosè jitlob fuq il-poplu: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem!” (Num 6, 24-26). Is-sliem bħall-ħniena huma l-ikbar barkiet tal-Mulej. Illum f’dak li aħna tradizzjonalment minn żmien il-Papa San Pawlu VI insejħulu Jum il-Paċi, aħna nitolbu d-don tal-paċi. Il-paċi hija don fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna; il-paċi hija rikonċiljazzjoni, maħfra u mħabba bejnietna; il-paċi hija stabbiltà u ġustizzja fis-soċjetà u bejn il-ġnus.
Bħal-lum, l-aħħar jum tas-sena ċivili, aħna niltaqgħu wkoll biex nirringrazzjaw lil Alla ta’ sena li qed tgħaddi. Nirringrazzjawh b’talba ħerqana għal sena ġdida li hawnhekk f’Malta tibda ftit tas-sigħat oħra għaliex f’Sydney u fi New Zealand ilha li bdiet.
Bħala Knisja f’Malta verament għandna għalxiex nirringrazzjaw lil Alla u ntemmu s-sena 2018 b’diversi mumenti ta’ grazzja li l-Mulej żejjinna bihom. Għalija, l-ikbar don li l-Mulej tani din is-sena kien id-don ta’ isqof awżiljarju li l-Mulej tani permezz tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku u li huwa ta’ wens għalija kif huwa ta’ wens għad-djoċesi. Nirringrazzja lil Alla ta’ dan id-don li l-Mulej tana fis-sejħa li għamel lil Mons. Joseph Galea-Curmi biex ikun isqof awżiljarju, suċċessur tal-appostli u kif qal hu wkoll “iċ-Ċirinew li jgħin lill-Arċisqof iġorr is-salib tiegħu”. Imma jiena li naf bil-kwalitajiet sbieħ u tajba li l-Mulej żejjen bihom lil Fr Joe, nirringrazzjah ukoll ta’ din l-għażla li l-Papa għamel u li biha żejjen id-djoċesi tagħna.
…nirringrazzjaw ukoll lill-Mulej tal-ġid kollu li għamel fis-soċjetà tagħna…
Intom tafu li din is-sena l-Papa Franġisku sejjaħli għal diversi missjonijiet ’il bogħod u qrib, u li sejjaħli wkoll għar-responsabbiltajiet ġodda f’Ruma filwaqt li talabni nkun u nibqa’ ragħaj ta’ din id-djoċesi għażiża. Dawn l-esperjenzi wkoll jibqgħu mnaqqxin f’qalbi bħalma jibqa’ mnaqqax f’qalbi l-poplu taċ-Ċilì, ta’ Santiago del Chile, ta’ Osorno, kif ukoll it-tobba u l-infermiera tal-Isptar ta’ San Carlo ta’ Apocindo fejn kelli mmur għall-operazzjoni biex ineħħuli l-marrara.
Irridu nirringrazzjaw ukoll lill-Mulej tal-ġid kollu li għamel fis-soċjetà tagħna filwaqt li nitolbuh biex nitgħallmu ngħixu flimkien b’sens ta’ tolleranza, ta’ mogħdrija, ta’ maħfra u ta’ rispett reċiproku.
Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Alla tal-kelma għażiża tal-Papa Franġisku li biha wennisna f’dawn l-aħħar xhur, tal-esperjenza qawwija tas-Sinodu tal-Isqfijiet li kien propju ddedikat lill- kategorija għażiża għalina: iż-żgħażagħ, id-dixxerniment u l-vokazzjonijiet. F’dan il-mument niftakar fis-seminaristi tagħna u nixtieq nirringrazzjahom għall-impenn tagħhom għaliex fihom nara żgħażagħ li qed jagħmlu dixxerniment serju u li qed ifittxu l-vokazzjoni li għalihom qed isejħilhom il-Mulej. Nitlobhom jitolbu biex in-numru tagħhom jiżdied u mhux jonqos. Nitolbu ħafna għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.
Imma jien nixtieq ukoll nirringrazzja lil Alla għal tant koppji li żżewwġu fil-Mulej matul din is-sena; nitolbu għal tant żgħażagħ li rriskjaw kollox f’xulxin u talbu l-barka tal-Mulej u tal-Knisja fuq ir-rabta tagħhom. Nitolbu għal tant ġid li sar f’tant oqsma ta’ karità li l-Knisja tqis li huma x-xhieda u l-glorja tagħha.
Nixtieq nissellef il-kliem tal-Papa Franġisku li fil-messaġġ f’Jum il-Paċi, li qed iħabbar propju f’dawn is-sigħat, jagħmel talba ħerqana biex il-politika tkun strument ta’ paċi u strument ta’ rikonċiljazzjoni u nitolbu għal kull min, anke fis-sena l-ġdida, ikompli jimpenja ruħu fil-politika bħala qadi, espressjoni ta’ mħabba u espressjoni ta’ servizz lejn is-soċjetà. Il-Papa jikkwota l-qaddej ta’ Alla, il-Kardinal Van Thuan, li, għalkemm għadda minn persekuzzjoni qalila fi żmien iebes tal-pajjiż tiegħu tal-Vjetnam, kellu l-għerf li jagħraf li politiku tajjeb huwa tassew imbierek u huwa barka. Aħna nitolbu ħafna ghall-politiċi tagħna u nitolbu li huma jkunu barka għall-poplu.
…nitolbu umilment u b’ħerqa kbira biex il-popli kollha tal-Ewropa juru sens kbir ta’ solidarjetà.
F’dawn is-sigħat il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw diversi nies mill-ibħra imqallba u kiefra ta’ madwarna. Aħna l-Isqfijiet nixtiequ nesprimu s-sens ta’ apprezzament għal dawn il-missjonijiet ta’ salvataġġ u ta’ solidarjetà konkreta. Nifhmu li għad hemm nies oħrajn bejn sema u ilma li qed jistennew kenn f’xi port fl-Ewropa u nitolbu umilment u b’ħerqa kbira biex il-popli kollha tal-Ewropa juru sens kbir ta’ solidarjetà. Meta tixgħel it-televixin, f’dawn is-sigħat tiltaqa’ ma tant spettakli ta’ ċelebrazzjonijiet u ma’ tant espressjonijiet ta’ xewqat tajbin, imma aħna nistgħu tassew niċċelebraw u nwarrbu l-ħarsa tagħna minn min għandu bżonn l-għajnuna tagħna? Għalhekk, l-appell ħerqan tagħna huwa li ċ-ċelebrazzjonijiet tagħna jkunu ta’ vera, nifirħu u nħallu lil min jifraħ u ma nabbandunaw lil ħadd billi ninsewh jew ninjorawh.
Il-barka l-Mulej li jagħti fuq il-poplu tiegħu hija barka ta’ ħniena u ta’ sliem. L-awgurju tiegħi huwa li s-sena l-ġdida tkun għal kull wieħed u waħda minna, sena ta’ ħniena u sena ta’ sliem.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-