Ftit tal-ġranet ilu saret it-tmien edizzjoni tas-sensiela MSSP Oratory Youth’s Bible & Beer li żvolġiet bħala lejla ta’ riflessjoni u ispirazzjoni. Dawk li attendew inġabru biex jesploraw it-tema tal-vizzju – kif drawwiet li jidhru żgħar, bħal scrolling kontinwu jew binge-watching, jistgħu jikbru u jaffetwaw is-saħħa mentali, ir-relazzjonijiet, u s-sens ta’ skop tagħna.
Ir-riflessjonijiet ġew immexxija minn tliet kelliema li offrew għarfien dwar il-kumplessitajiet tal-vizzju. Dr Gianluca Bezzina, tabib li jispeċjalizza fit-trattament tal-vizzju, spjega kif id-dopamina—il-“feel-good-factor” tal-moħħ—jistaʼ jqanqal kemm id-drawwiet kif ukoll id-dipendenzi. Dr Gianluca tefa’ dawl fuq id-differenza bejn id-dipendenza u l-vizzju, filwaqt li enfasizza l-qawwa trasformattiva tad-dinjità u l-kompassjoni biex tgħin lin-nies jiksbu lura ħajjithom.
Anthony Gatt, psikologu u Direttur ta’ Caritas Malta, qasam l-esperjenza kbira tiegħu fir-riabilitazzjoni, filwaqt li ddeskriva l-importanza tar-rieda, u l-abbiltà għall-bidla. Il-pariri prattiċi tiegħu ħeġġew lil dawk li attendew biex jifhmu aktar fil-profond l-“għaliex” wieħed jaqa’ fil- vizzju, u fakkar li anke passi żgħar jistgħu jwasslu għal bidla profonda.
Fr. Kevin Schembri, lettur u gwida pastorali, niseġ it-tema f’dimensjoni spiritwali, u emfasizza l-fatt li aħna maħbubin mingħajr kundizzjoni—anke fl-iktar mumenti mudlama tagħna. Huwa ħeġġeġ lil kull min kien preżenti biex jerġa’ jidħol aktar fil-profond tiegħu, isib bilanċ, u jafda fil-qawwa tal-fejqan permezz tal-fidi u l-komunità.
Il-kelliema offrew ideat prattiċi bħal Ħdud ‘screen-free’, li jistabbilixxu regoli għat-tfal dwar l-użu tal-gadgets, u li nkunu ta’ eżempju bil-mod li ngħixu f’ħajjitna. Il-lejla serviet bħala tfakkira qawwija tar-reżiljenza li hemm f’kull wieħed minna, kif ukoll l-importanza tal-komunità u l-appoġġ reċiproku. Din il-laqgħa kienet ukoll tfakkira ta’ kif djalogu sinifikanti jista’ jseħħ fl-aktar spazji sempliċi.
Wieħed mill-parteċipanti qal li l-esperjenza kienet opportunità ta’ “spazju fejn l-onestà u t-tama jiltaqgħu. Tlaqt inħossni mhux biss mifhum iżda wkoll imħeġġeġ biex niffaċċja l-ġlidiet tal-ħajja b’saħħa u grazzja.”
Dan l-avveniment sar possibbli permezz tal-appoġġ tal-APS Bank.