L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-poplu Lhudi kien iqis l-għalqa tad-dwieli bħala ħaġa għażiża ħafna. Kien jieħu ħsieb l-għalqa tad-dwieli b’għożża. Għalhekk fl-Iskrittura nsibu lil Alla li jqabbel ir-rabta tiegħu ta’ mħabba kbira għall-poplu ma’ din l-għalqa tad-dwieli. Fil-fatt insibu, pereżempju, f’Iżaija l-Mulej jgħid: “Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu” (Iżaija 5:1).
Għalhekk fl-Evanġelju Ġesù jgħid parabbola li fiha hemm sid li jqabbel l-għalqa lil xi bdiewa biex jieħdu ħsiebha. L-għalqa hija tas-sid, imma lil dawn iqabbadhom biex jieħdu ħsiebha, imbagħad jagħtuh il-frott. Għax Alla dejjem ried li l-poplu tiegħu jagħmel il-frott. Hu stenna frott ta’ tjieba, ta’ ġustizzja u ta’ mħabba lejh u lejn l-oħrajn. Imma nafu mill-istorja li l-poplu ta’ Alla kultant għamel il-kontra. U hawnhekk fil-fatt Ġesù, bi ftit kliem, jispjega l-Istorja tas-Salvazzjoni: li Alla bagħat li diversi nies, il-profeti – dawk il-qaddejja li jibgħathom fl-għalqa – u kollha ġew rifjutati. Imbagħad qal “nibgħat lil ibni” – l-iktar ħaġa għażiża li nista’ nagħmel – u dan ġie rifjutat ukoll u maqtul. Meta Ġesù jispjega l-istorja tas-salvazzjoni, li Alla bagħat lil diversi profeti tul is-snin u fl-aħħar lil Ibnu stess, qed jantiċipa dak li se jiġri lilu, li hu se jkun rifjutat, maqtul.
Alla jibgħat diversi nies fil-ħajja tagħna, u dawn huma don ta’ Alla. Niltaqgħu ma’ nies f’ħajjitna li bl-eżempju tagħhom, bix-xhieda tagħhom, bil-kelma tagħhom jgħinuna biex nagħmlu l-frott. Kollha huma espressjoni tal-imħabba ta’ Alla.
X’messaġġ hemm għalina llum f’din il-kelma ta’ Alla? L-ewwel nett, li Alla jsejjaħ lilna wkoll bħala ħaddiema fl-għalqa tiegħu, u jistenna minna li nagħmlu l-frott. L-għalqa tibqa’ tiegħu, ma ssirx tagħna. Hawnhekk fid-dinja qegħdin biex nieħdu ħsiebha u nħarsuha. Imma minna jistenna li nagħmlu l-frott. Nafu li jekk qed iġib it-tixbiha tad-dielja, id-dielja mingħajr frott ma tiswa għal xejn. L-injam tagħha jista’ jintrema għax ma jkun jiswa xejn. Minna jistenna li nagħmlu l-frott.
Il-parabbola turina wkoll li Alla jibgħat nies f’ħajjitna li jkunu ta’ għajnuna għalina biex nistgħu naħsdu l-frott, bħalma dan is-sid bagħat il-qaddejja tiegħu, fl-aħħar anke lil ibnu. Alla jibgħat diversi nies fil-ħajja tagħna, u dawn huma don ta’ Alla. Niltaqgħu ma’ nies f’ħajjitna li bl-eżempju tagħhom, bix-xhieda tagħhom, bil-kelma tagħhom jgħinuna biex nagħmlu l-frott. Kollha huma espressjoni tal-imħabba ta’ Alla.
Imma l-parabbola turina wkoll li hi responsabbiltà tagħna: f’idejna jekk naċċettawx jew nirrifjutawx l-istedina ta’ Alla. Alla ma jimponix bilfors li rridu nagħmlu dak li jixtieq hu. Jiddependi minna. Aħna nistgħu naċċettaw jew nirrifjutaw. Imma l-kliem ta’ Ġesù jurina li jekk nirrifjutawh lil Alla, huwa aħna li nbatu, aħna li mmorru minn taħt. Għalhekk isemmi dik is-sentenza li nsibuha wkoll f’partijiet oħra fl-Iskrittura: “il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”. Jiġifieri – qed jgħid għalih – hu twarrab, imma hu kien il-ġebla tax-xewka, jiġifieri l-ġebla li torbot il-bini kollu magħha bħalma hu Ġesù għall-Knisja, għalina li nemmnu. Sar dan “bis-saħħa tal-Mulej”, anke jekk il-bnedmin irrifjutawh. Għalhekk, jekk aħna nwarrbuh, huwa aħna li nagħmlu ħsara lilna nfusna.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja llum li Ġesù jkun għalina, f’ħajjitna personalment, anke bħala komunità, bħala Knisja, il-“ġebla tax-xewka” li miegħu aħna marbutin, biex miegħu nistgħu ninbnew fil-ħajja tagħna personali u bħala komunità, u li bil-grazzja tiegħu jgħinna ħalli ħajjitna tagħmel il-frott, u frott bnin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju