L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Mt 8:2). Tolqotna din it-talba lil Ġesù li għamel dan ir-raġel li kellu l-marda tal-lebbra, u tolqotna ħafna għax ma tantx issib talb fl-Evanġelju ta’ nies li lil Ġesù jgħidulu “jekk trid”. Hi iktar it-talba li tixbah lil ta’ Ġesù nnifsu, meta kien fl-Ort tal-Ġetsemani, u ta’ Ġesù meta għallimna t-talba tal-Missierna u qalilna biex nitolbu lil Alla: “Ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art” (Mt 6:10). Nixtieq li f’din il-ġrajja sabiħa nħarsu ftit lejn dan il-lebbruż, imbagħad lejn Ġesù, għax flimkien hemm messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna.
L-ewwel nett, dan il-lebbruż. Irridu niftakru li dak iż-żmien min kien lebbruż kien ibati ħafna mhux biss minħabba l-marda tiegħu, li diġà kienet kiefra – u mal-lebbrużi kienu jgħaqqdu wkoll lil dawk li jkollhom xi forma ta’ marda fil-ġilda tagħhom – imma kien ibati mhux biss minħabba l-marda imma wkoll minħabba l-esklużjoni. Dan għaliex min kien lebbruż kien imqiegħed għalih, bi struzzjonijiet ċari biex dan ma jersaqx lejn in-nies, anzi jekk jersaq, irid jgħajjat u jagħmel sinjal li jgħid: jien lebbruż, oqogħdu ’l bogħod minni. Għalhekk it-tbatija ta’ dawk morda bil-lebbra kienet kbira.
Imma x’għamel dan? Għax kellu l-fidi f’Ġesù li jista’ jfejqu, mhux biss għeleb l-ostaklu u ma ħallix il-marda tħallih fil-ġenb, imma mar kontra dak li kien jingħad dak iż-żmien li ma tistax tersaq, u resaq lejn Ġesù. U dan minkejja l-folla – fl-Evanġelju naraw li Ġesù, meta niżel minn fuq il-muntanja, “folol kbar marru warajh” (Mt 8:1). Imma dan tant kellu rieda soda u fidi f’Ġesù, li resaq lejh, u talbu bil-ħerqa: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Tolqotna ħafna żgur il-fidi kbira tal-lebbruż imma wkol id-determinazzjoni – lest li jegħleb kull ostaklu biex hu jasal għand Ġesù.
Meta nħarsu lejn Ġesù, narawh dejjem mimli mħabba u kompassjoni, u għalih bniedem wieħed jiswa daqs ħafna. Ma jagħmilx differenza u jgħid: għax hawn il-folla ma nagħtix każ ta’ dal-bniedem. Anzi, għal Ġesù, min hu emarġinat, min qiegħed fil-ġenb, jiswa ħafna u jagħtih attenzjoni sħiħa. U lil dan il-lebbruż mhux biss ifejqu, imma, innutaw x’jagħmel; l-Evanġelju jgħid: “medd idu fuqu, messu u qallu: ‘irrid, kun imfejjaq’” (Mt 8:3). B’dan il-ġest Ġesù ried juri li l-id tiegħu hija l-id li tfejjaq. Mhux biss ma tbigħedx minnu, bħalma kienu jagħmlu n-nies, u jaħrab ’l hemm għax dan lebbruż, imma anzi apposta messu. B’dan wassal il-fejqan lil dan il-bniedem.
Imma mhux biss. Ġesù lil dan il-bniedem ried ifejqu u ried jerġa’ jintegrah fil-komunità. Għalhekk jgħidlu: “mur uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordna Mosè biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt” (Mt 8:4). B’hekk reġa’ lura fi ħdan il-komunità. Għax għal Ġesù kull bniedem jiswa. Lilna jrid iwasslilna tassew il-fejqan u s-saħħa li neħtieġu, imma wkoll ma jħalliniex nintelqu jew inkunu mwarrbin u emarġinati, imma jridna integrati fi ħdan il-komunità.
Lil dan il-lebbruż Ġesù jgħidlu “tgħid lil ħadd” (Mt 8:4), bħalma ġieli jgħid lin-nies in ġenerali. Tolqotna din. Kif ma tgħid lil ħadd meta hi ħaġa tajba? Kif ma tgħid lil ħadd meta qed jagħmel miraklu għal dan? Għax Ġesù ma riedx lin-nies imorru bl-ideja li hu dak li jagħmel il-mirakli u daqshekk, li hu dak li jagħmel forma ta’ maġija, imma ried li jinżlu aktar fil-fond u jagħrfu li hu tassew il-Messija, is-Salvatur, dak li lill-bniedem irid jagħtih is-salvazzjoni sħiħa. Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-ġrajja sabiħa, biex jagħtina l-grazzja tal-fidi u d-determinazzjoni ta’ dan il-lebbruż, kif ukoll li nemmnu tassew fl-imħabba, fil-kompassjoni u fis-salvazzjoni sħiħa li jwasslilna hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju