L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom” (Mt 17:27). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lil Pietru fl-Evanġelju llum, meta jgħidlu biex imur sal-baħar, jixħet ix-xlief, jaqbad ħuta, jiftħilha ħalqha, isib munita tal-fidda, imbagħad permezz ta’ din il-munita jħallas it-taxxa. Kien mod oriġinali kif issib il-flus ħa tħallas it-taxxa! Din il-ġrajja stramba nsibuha rakkuntata biss fl-Evanġelju skont San Mattew. Turina li Ġesù jagħraf x’hemm fil-qalb tal-bniedem, hawnhekk ukoll x’hemm fil-ħalq tal-ħuta. Imma turina li, avolja kif jgħid f’din id-diskursata ma’ Pietru, ma kienx obbligat iħallas it-taxxa, għax din it-taxxa fi żmienhom kienet għall-barranin mhux għas-sudditi, imma ried li Pietru jħallas it-taxxa biex ma jkun ta’ ebda skandlu għalihom.
Issa din tolqotna: “biex ma tkun ta’ ebda skandlu għalihom”. Ġesù kellu din is-sensitività. Ried joqgħod attent li ma jiħdux impressjoni li hu qed japprofitta ruħu, ried anke li jwassal messaġġ li t-taxxi għandhom jitħallsu. Imma filwaqt li Ġesù hawnhekk qiegħed attent biex ma jkun ta’ ebda skandlu għalihom, f’postijiet oħra nsibu fl-Evanġelju li n-nies “skandalizzaw ruħhom minħabba fih” (Mk 6:3). Niftakru fl-Evanġelju skont San Mark, meta hu jidħol fit-tempju u jgħallem hemmhekk, imbagħad in-nies bdew jistagħaġbu bl-għerf tiegħu u bl-għeġubijiet li għamel, għax qalu: dan ma nafux min hu, u ommu u missieru u ħutu? Jgħid li kienu “skandalizzati minħabba fih”. Tfixklu.
Għaliex fl-Evanġelju llum kien daqshekk attent għall-iskandlu, imma f’postijiet oħra xorta jibqa’ għaddej anke jekk in-nies jiskandalizzaw ruħhom? Din nifhmuha meta nagħrfu l-missjoni ta’ Ġesù. Hu ġie biex iwassal il-Bxara t-Tajba bl-għemil u bil-kliem, u ġie biex jagħti ħajtu biex jifdi l-umanità, biex isalva l-bnedmin kollha. Ried li jaqdi din il-missjoni b’fedeltà. Jekk in-nies jitfixklu minħabba xi ħaġa li jista’ jirranġa, hemmhekk Ġesù jirranġa bħalma għamel illum u jsolviha malajr, biex in-nies ma jitfixklux. Imma jekk jitfixklu għax hu qed jaqdi b’fedeltà l-missjoni tiegħu, dik ħaġa oħra. Ma jistax ma jaqdix il-missjoni tiegħu b’fedeltà anke jekk ikun hemm min jitfixkel.
Din narawha fl-ewwel parti tal-Evanġelju llum. Għall-ewwel taħseb li ma hemm ebda rabta bejn dawn iż-żewġ partijiet, imma nifhmu aktar meta Ġesù jħabbar lid-dixxipli tiegħu minn xiex se jgħaddi. Jgħidilhom li bin il-bniedem – qed jgħid għalih – “għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin u joqtluh, u fit-tielet jum iqum” (Mt 17:22-23). X’għamlu d-dixxipli? L-Evanġelju jgħid: “sewdu qalbhom ħafna”. Kellhom raġun meta jisimgħu li se joqtluh. Naturalment huma waqfu fuq l-ewwel ħaġa li qal, u njoraw li qal dak inhar li se jqum mill-mewt. Imma d-dixxipli sewdu qalbhom ħafna u tfixklu. Dawk l-aktar qrib ta’ Ġesù tfixklu minħabba l-missjoni li kellu li qdieha sal-aħħar. Imma Ġesù kien lest li jkompli sal-aħħar jaqdi l-missjoni li kellu, anke jekk kien ta’ tfixkil għal dawk qrib tiegħu li ma setgħux jifhmu.
Għalhekk Ġesù jgħallimna li aħna ma għandniex nitfixklu minħabba fih għal dak li hu tajjeb, għal dak li jgħallimna hu, għal dak li jurina hu fil-ħajja tiegħu. Din l-ewwel talba li nixtieq nagħmel: li aħna qatt ma nitfixklu minħabba dak li Ġesù jgħid u jagħmel, għax nafu li dak hu tassew ta’ ġid għalina.
Imbagħad nitolbu li nitgħallmu minnu wkoll. F’dan l-Evanġelju Ġesù wera sensitività kbira biex in-nies ma jeħdux skandlu. Importanti fil-ħajja tagħna, l-ewwel nett li ma nagħtux skandlu lin-nies b’affarijiet ħżiena li nagħmlu, imma anke f’affarijiet oħra fejn irridu nuru sensitività li noqogħdu attenti biex ma nfixklux lin-nies għalxejn. Mill-banda l-oħra, irridu wkoll niftakru li għandna naqdu l-missjoni li Alla tana b’fedeltà, u nagħmlu dan anke jekk ikun hemm min jitfixkel minħabba f’hekk, għax il-fedeltà lejn Alla tiġi l-ewwel u qabel kollox.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju