L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm dettal fl-Evanġelju llum li jgħaqqad iż-żewġ rakkonti, dak tat-tifla ta’ Ġajru u dak tal-mara li kienet tbati bit-tnixxiegħa tad-demm – rakkonti li huma flimkien, wieħed ġol-ieħor. It-tifla ta’ Ġajru, li kienet waslet fl-aħħar u missierha talab lil Ġesù biex ifejjaqha, kellha tnax-il sena. U l-mara li misset il-mantar ta’ Ġesù biex tfiq kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxiegħa tad-demm. Tnax-il sena ta’ tbatija għall-mara, u tnax-il sena li wasslet għall-mewt tat-tifla ta’ Ġajru.
Imma mhuwiex dan id-dettall biss li jgħaqqad dawn iż-żewġ rakkonti. Hemm ħafna iżjed, u nixtieq li nħarsu lejn il-persuni prinċipali li jissemmew flimkien ma’ Ġesù u naraw dak li juruna għal ħajjitna llum.
Mara li batiet ħafna
Ħa nħarsu l-ewwel lejn din il-mara li kienet ilha dawn is-snin kollha tbati bit-tnixxiegħa tad-demm. Kienet tbatija fiżika fit-tul, imma mhux biss, kienet ukoll tbatija psikoloġika u soċjali. Dak iż-żmien min kien f’sitwazzjoni bħal din il-mara kien meqjus imniġġes jew imniġġsa, bħalma jurina l-ktieb tal-Levitiku, u għalhekk irid joqgħod ’il bogħod mill-kuntatt man-nies.
X’għamlet din il-mara? L-Evanġelju jgħid li kienet għamlet ħilitha kollha biex tfiq, u kien għalxejn, anzi “marret għall-agħar”. Imma ma qatgħetx qalbha. Kellha fidi li Ġesù jista’ jfejjaqha, u għalhekk irraġunat li wkoll jekk ma jirnexxilhiex tiltaqa’ miegħu u tkellmu, kienet tfiq imqar jekk tmiss il-mantar tiegħu. U l-fidi tagħha kienet imsieħba ma’ determinazzjoni kbira. Fil-fatt, għelbet l-ostakli kollha, inkluż l-ostaklu tal-kotra kbira ta’ nies li kienet ma’ Ġesù u qed tross fuqu, u waslet biex tmiss il-mantar tiegħu.
Ġesù fejjaqha, imma ried juri quddiem kulħadd il-qawwa tal-fidi tagħha. Għalhekk, filwaqt li hi tersaq lejh “tirtogħod bil-biża’” għax Ġesù kien qed isaqsi min misslu l-mantar, hu jgħidilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek” (Mk 5:34). Din il-mara tgħallimna l-qawwija tal-fidi msieħba ma’ determinazzjoni kbira biex tagħmel dak li meħtieġ. Il-fidi ma tmewwitniex, ma tħalliniex passivi, anzi l-kontra, timbuttana biex nieħdu l-passi neċessarji biex ħajjitna ngħixuha b’dinjità.
Raġel preokkupat ħafna
Ħa nħarsu lejn Ġajru, li kien wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga. Kien, għalhekk, bniedem ta’ pożizzjoni importanti dak iż-żmien. Kien preokkupat ħafna għal bintu ż-żgħira, għax kienet waslet fl-aħħar. Għaliha kien lest li jagħmel minn kollox. Għalhekk mar ifittex lil Ġesù, inxteħet f’riġlejh u talbu bil-ħerqa: “ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix” (Mk 5:23).
Dan il-misser kellu fidi kbira f’Ġesù. Emmen li hu kellu l-qawwa li jerġa’ jagħti lil bintu saħħitha mill-ġdid. U meta, waqt li kienu fi triqthom lejn id-dar, ġew jagħtuh l-aħbar li bintu mietet, Ġesù ried jikkonferma u jsaħħaħlu l-fidi tiegħu: “Tibżax, biss inti emmen” (Mk 5:36).
Ta’ dan ir-raġel ukoll hija fidi qawwija f’Ġesù, imsieħba ma’ determinazzjoni biex jagħmel minn kollox għal bintu ħalli jaraha b’saħħitha.
Ta’ qalb ħelwa u umli
Ħa nħarsu lejn Ġesù, li hu dejjem ta’ qalb ħelwa u umli, mimli mħabba u kompassjoni. Żgur li ninnutaw mal-ewwel kif Ġesù kien imdawwar “b’kotra kbira ta’ nies” (Mk 5:21). Imma Ġesù qatt ma jinġarr mill-folla, u l-folla ma ttelliflu qatt l-attenzjoni personali. Għalih kull persuna hija importanti u għażiża, persuna waħda għandha valur kbir. U aktar ma l-persuna tkun fil-bżonn, jew b’xi mod emarġinata, aktar jagħtiha attenzjoni.
Fil-fatt, meta ġie Ġajru jitolbu jfejjaq lil bintu, l-Evanġelju jgħid li Ġesù “telaq miegħu” (Mk 5:24) mal-ewwel. Bidel ir-rotta biex imur id-dar tiegħu. U meta l-mara missitlu l-mantar biex tfiq, lilha wkoll ried li jagħtiha l-attenzjoni kollha u jkellimha biex jagħmlilha l-qalb.
Ġesù narawh mimli mħabba u kompassjoni fid-dettalji ta’ dawn ir-rakkonti. Anke fil-mod kif hu jqajjem lit-tifla għal ħajja ġdida. “Qabdilha idha” (Mk 5:41) b’tenerezza, u meta tieħu l-ħajja mill-ġdid, jgħid lin-nies biex “jagħtuha tiekol” (Mk 5:43). Ġesù hu l-għajn tas-saħħa u tal-ħajja, iġib il-fejqan u jagħti l-ħajja. Dejjem bl-akbar imħabba.
L-enfasi li jagħmel Ġesù f’dan kollu hi dejjem fuq il-fidi. Għalhekk lill-mara jgħidilha “Il-fidi tiegħek fejqitek”, u lil Ġajru: “Tibżax, biss inti emmen”. Hija dik il-fidi li tfisser il-fiduċja sħiħa fih li ġġib ħajja ġdida.
Saħħaħ fina l-fidi
Lilna wkoll Ġesù jistedinna biex nissaħħu fil-fidi. Huwa hu li lilna jsalvana, hu li b’imħabba kbira u dejjiema jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.
Aħna u nitfgħu ħarsitna fuqu, nitolbuh biex isaħħaħ fina l-fidi, u jgħinna biex bħall-mara li kienet tbati bit-tnixxiegħa tad-demm u bħal Ġajru li talab il-fejqan ta’ bintu, aħna wkoll insieħbu l-fidi ma’ determinazzjoni qawwija biex dejjem nagħmlu dak li hu sewwa, minkejja kull ostaklu, u nfittxu dak li hu tassew ta’ ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju