L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Niġi jien u nfejqu” (Mt 8:7). Din kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù għal dak li qallu ċ-ċenturjun, meta Ġesù daħal Kafarnahum u resaq fuqu dan iċ-ċenturjun jitolbu jfejjaq il-qaddej tiegħu li kien “mixħut, mifluġ u batut wisq” (Mt 8:6). Ġesù kien pront u qallu: “Niġi jien u nfejqu”.
Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja, speċjalment lejn iċ-ċenturjun u Ġesù, u d-djalogu bejniethom, għax hemm ħafna li x’jgħallimna għall-ħajja tagħna. Dan iċ-ċenturjun ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi, lanqas kien wieħed minn dawk qrib Ġesù. Imma daċ-ċenturjun, meta nħarsu lejh hawnhekk fl-Evanġelju, kien bniedem li kellu rispett u imħabba kbira lejn in-nies tiegħu. Ġie għand Ġesù minħabba l-qaddej tiegħu. Ma ġiex biex ifittex xi ħaġa għalih innifsu personali, imma minħabba l-qaddej li kien bniedem għażiż għalih. Kellu żgur idea kbira ta’ Ġesù – fil-fatt jgħidlu “ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi” (Mt 8:8). Imma kellu wkoll fidi kbira. Kellu fidi li Ġesù jista’ jagħmel xi ħaġa, li Ġesù jista’ jfejqu lil dan il-qaddej tiegħu. U mhux biss fidi li Ġesù jfejqu, imma kellu fidi li anke jekk jgħid kelma waħda biss, lanqas hemm bżonn imur ħdejh; jgħid kelma waħda biss u l-qaddej ifiq. Araw x’fidi kbira kellu daċ-ċenturjun!
Ħa nħarsu lejn Ġesù. Kif nafu, kull bniedem għażiż għalih. Hawnhekk naraw kif l-ewwel nett kien pront, jgħidlu “Niġi jien u nfejqu”. Imma hawn qed jitkellem ma’ bniedem li mhuwiex wieħed minn dawk qrib tiegħu – dixxipli jew ħbieb tiegħu – imma bniedem li ġie jitlob l-għajnuna. U Ġesù lil dan iċ-ċenturjun jgħidlu li lest biex jiġi ħa jagħtih l-għajnuna. Għax għalih kull bniedem importanti, kull persuna – mhux dawn qrib tiegħi, allura naqdihom, u dawk ma nafhomx. Kull bniedem hu għażiż, kull ħajja umana hi għażiża għal Ġesù. Għalhekk dejjem lest biex jgħin, dejjem lest biex jagħmel il-ġid.
Naqraw hawnhekk ħaġa importanti: li Ġesù baqa’ “mistagħġeb” (Mt 8:10) bil-fidi ta’ dan iċ-ċenturjun. F’mumenti oħra fl-Evanġelju, b’referenza għan-nies, naqraw li Ġesù “baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom” (Mk 6:6). Hawn baqa’ mistagħġeb bil-fidi ta’ dan li ma kienx wieħed minn dawk qrib tiegħu. Ġesu jsemmi kif għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fis-saltna tas-smewwiet, għax ikunu nies ta’ fidi. Ġesù jistagħġeb bil-fidi qawwija ta’ dan il-bniedem, u jfaħħar din il-fidi. Meta jgħid “għad jiġu mil-Lvant u mill-Punent” (Mt 8:11), mill-bogħod, niftakru f’dik il-ġrajja meta Ġesù kien għadu żgħir u ġew il-Maġi mil-Lvant biex ifittxuh, u baqgħu jirsistu sakemm sabuh biex jagħtuh qima.
X’nitgħallmu minn din il-ġrajja? Jekk inħarsu lejn dan iċ-ċenturjun, naraw fih il-virtujiet sbieħ tal-fidi, it-tama u l-imħabba. Kellu fidi f’Ġesù li jista’ jfejjaq anke b’kelma; kellu tama li jekk imur ħdejh jitolbu, Ġesù se jilqa’ t-talba tiegħu; u l-imħabba toħroġ ħafna propju mill-mod kif kien jgħożż il-qaddej tiegħu. Għalhekk fidi, tama u mħabba. Minn Ġesù nitgħallmu kemm hu dejjem lest li jgħinna, jieqaf magħna fil-ħtiġijiet tagħna, u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Li jistenna minna hu proprju li jkollna l-fidi fih, għax hu dejjem lest li jkun ta’ għajnuna kbira għalina.
Nagħmlu llum it-talba sabiħa li fil-fatt ngħidu f’kull quddiesa, u li tixbah ħafna t-talba li għamel dan iċ-ċenturjun għall-qaddej, u aħna nagħmluha għalina, kull wieħed u waħda minna: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju