L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Bla ma jaf kif”. Dan hu l-mod kif Ġesù jiddeskrivi dak li jiġri meta r-raġel jitfa’ ż-żerriegħa fl-art u din tinbet u tikber, tiżviluppa, bla ma jaf kif. U Ġesù juża din ix-xbieha biex ifisser kif taħdem is-Saltna ta’ Alla.
Hemm ħafna li jgħallimna Ġesù għal ħajjitna permezz ta’ dawn iż-żewġ parabboli. Juri kif iż-żerriegħa hija xi ħaġa żgħira, żgħira ħafna, imma għandha l-potenzjal li tikber u tiżviluppa f’xi ħaġa kbira jekk issib art tajba. Is-Saltna ta’ Alla hi bħal din iż-żerriegħa żgħira. Hawnhekk Ġesù jsemmi ż-żerriegħa tal-mustarda, li hi żgħira ħafna.
Iż-żerriegħa taħdem fis-skiet, fil-moħbi, meta tindifen fil-ħamrija. Hemm l-iktar ħidma effettiva tagħha, meta ma tibqax taraha. Li kieku ż-żerriegħa tagħmilha f’bozza u toqgħod tħares lejha, ma tilħaqx l-iskop tagħha bħala żerriegħa. Għalhekk il-ħidma tas-Saltna ta’ Alla hi proprju bħaż-żerriegħa li taħdem fis-skiet, fil-kwiet. Hu Alla li jkabbar. Iż-żerriegħa ma tikbirx għax toqgħod tisfurzaha. Iż-żerriegħa tkun fejn ma tidhirx.
Għalhekk Ġesù jqabbel is-Saltna ta’ Alla maż-żerriegħa, li jfisser li s-Saltna ta’ Alla tikber bil-ħidma li ssir fil-kwiet, fil-moħbi, fis-skiet; minn nies umli, minn nies ċkejna ħafna drabi, imma hemm hi tassew ħidma effettiva li tkabbar is-Saltna ta’ Alla. Aħna kultant qisna nimpressjonaw ruħna bl-istorbju, jew b’dak li jagħmel ħoss. Ġieli nimmaġinaw li s-Saltna ta’ Alla tikber b’xi ħaġa li tolqot l-għajn, jew inkella b’xi ħaġa li tagħmel ħafna ħoss; imma Ġesù jurina li s-Saltna ta’ Alla tikber b’dal-mod: mingħajr daqq ta’ trombi, mingħajr ħafna frattarija, imma hemm tkun qiegħda tikber is-Saltna ta’ Alla.
Iż-żerriegħa taħdem fis-skiet, fil-moħbi, meta tindifen fil-ħamrija. Hemm l-iktar ħidma effettiva tagħha, meta ma tibqax taraha.
F’moħħi jiġi l-eżempju ta’ omm u missier li jiddedikaw ruħhom għat-trobbija tajba ta’ wliedhom, u jagħmlu dan ġurnata wara l-oħra, fil-kwiet, b’ħidma ġeneruża. Anke nies li jaħdmu fix-xogħol tagħhom b’onestà, b’responsabbiltà, forsi ħadd ma jaf bihom. Fi żmien il-pandemija żgur kellna ħafna nies li ħadmu fis-skiet, fil-kwiet, b’servizz lejn dawk li kienu fil-bżonn, jew dawk li għaddejjn mit-tbatija. Din hi s-Saltna ta’ Alla kif tikber u tixtered. L-istess min qiegħed id-dar waħdu jew waħedha; jew mara anzjana jew marida fis-sodda, li toffri dak li tgħaddi minnu lil Alla. Hu b’dal-mod – dawn li jaħdmu fis-skiet u fil-kwiet, b’ġenerożità u b’ħafna mħabba – b’dal-mod li tikber is-Saltna ta’ Alla. Aħna għandna nkunu grati lejn Alla għal tant eżempji sbieħ li hemm li juruna kif tikber is-Saltna ta’ Alla.
Il-Papa Franġisku għandu osservazzjoni f’waqtha ħafna fuq dan il-punt. Jgħid: iktar tagħmel ħoss siġra li taqa’ minn foresta li tikber. Iktar tagħmel għagħa siġra li taqa’. Imma l-foresta tikber permezz ta’ żerriegħa, u żerriegħa oħra, li jaħdmu b’mod effettiv, u tikber il-foresta. Hekk tikber is-Saltna ta’ Alla. Huwa hu li jkabbar, imma hi din il-ħidma li ssir b’ħafna mħabba u umiltà. Għalhekk għandu jkollna din il-fiduċja f’Alla, kif għedna fis-Salm: “Afda fil-Mulej u agħmel it-tajjeb… afda fih u jagħmel hu.” Nitolbu lill-Mulej illum din il-grazzja li aħna b’dal-mod naħdmu ħalli tikber is-Saltna ta’ Alla – it-talba li ngħidu kull darba fil-‘Missierna’: “Tiġi Saltnatek”. Tiġi billi aħna naħdmu bil-fiduċja f’Alla li jkabbar u jsaħħaħ il-ħidma, imma anke bil-ħidma tagħna li nagħmluha b’ħafna mħabba u b’ħafna umiltà kif uriena Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju