-
-
***
Direttur: Frank Coraci
Atturi: Adam Sandler, Drew Barrymore, Bella Thorne, Emma Fuhrmann, Alyvia Alyn Lind, Shaquille O’Neal, Terry Crews u Joel McHale
Ħin tal-film: 117 minKLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12Jim, missier armel bi tliet itfal bniet, Hillary, Espn u Lou, jaħdem bħala maniġer ġewwa ħanut li jbiegħ ħwejjeg u tgħammir tal-isports. Lauren, minnaħa l-oħra, hi omm separata minn ma’ żewġha, qegħda trabbi żewġ subien, Brendan u Tyler u taħdem f’ħanut tal-ħwejjeġ. F’ laqgħa li Jim u Lauren ikollhom biex jaraw jekk jaqblux flimkien tmur għal kollox żmerċ. Iżda d-destin ried li dawn it-tnejn jerġgħu jiltaqgħu waqt vaganza ġewwa l-Afrika t’Isfel meta flimkien mal-familji tagħhom isibu ruħhom igħixu flimkien għal numru ta’ ġranet. L-avventuri li jgħaddu minnhom jresquhom lejn xulxin l-aktar permezz ta’ problemi li t-tfal ta’ dik l-eta` joħolqu u kemm Jim kif ukoll Lauren jippruvaw ta’ genituri li tassew kienu jħobbu lill-uliedhom jippruvaw isolvu. Meta kien jidher ċar li Jim u Lauren kienu qorbu lejn xulxin u kienu waslu biex jipproponu lil xulxin, tinqala’ problema serja. Mark, l-eks-raġel ta’ Lauren, juri x-xewqa li jerġa’ jingħaqad mal-familja. X’jiġri minn hawn? Tgħid ir-rabta li nibtet bejn Jim u Lauren sejra tispiċċa ttir mar-rih? Kemm tassew Mark kien sinċier u onest biżżejjed li jerġa’ jkun r-responsabbli bħala raġel miżżewweġ bit-tfal?
Film kummiedja bi storja ħelwa ħafna u umana. Joħorgu tajjeb il-karattri ta’ Jim u Lauren li urew biċ-ċar li xtaqu l-ġid ta’ uliedhom meta dawn bdew juru l-bżonn u l-ħtieġa li jkollhom ġenituri li lesti li jgħinuhom. Minħabba t-tema tal-film kif ukoll xi lingwaġġ goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.