• Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid
    7 ta’ Ġunju 2014

    Ħuti, naħseb li lkoll tafu li l-Papa qalilna biex f’Pentekoste nitolbu ħafna għalih għaliex għada se jiltaqgħu dawk li jmexxu f’Israel u dawk li jmexxu fil-Palestina biex jitolbu mal-Papa quddiem il-Mulej. U jiena naħseb li din hija diġa forma ta’ miraklu min-naħa tal-Ispirtu s-Santu. Minn qatt, anke minna, basar li wara ħamsin sena li kienu ilhom bi ġlied bejniethom jiġi l-Papa Franġisku u jgħidilhom: ‘isma’ imma intom ma uzajtux kollox biex ikollkom il-paċi. Intom hemm bżonn titolbu lil Alla ħalli hu jagħtikom il-paċi’. U t-tieni parti tal-miraklu kienet qawwija wkoll: kif huma t-tnejn aċċettaw li jmorru l-Vatikan flimkien mal-Papa Franġisku u jitolbu għal paċi.

    llum li hija l-vġili tal-Pentekoste, nixtieq naqsam magħkom xi riflessjonijiet. L-ewwelnett, l-Ispirtu s-Santu imexxina mhux lura, imma l-Ispirtu s-Santu jmexxina ‘l quddiem lejn l-eternità. Aħna smajna fit-tieni lezzjoni lil San Pawl jgħid: il-ħolqien kollu għadu fl-uġigħ tal-ħlas, jistenna l-ħelsien” (Rum 8,22). U smajna wkoll ll San Pawl jgħidilna: “aħna salvi bit-tama” (v 24), jiġifieri aħna, għalkemm ngħixu llum imma aħna għandna t-tama tagħna li  twasslilna ħafna aktar il-bogħod.

    U jiena naħseb li dan il-ħsieb huwa importanti għaliex kull darba li jilatqgħu dawn iż-żewġ pajjiżi, kull darba jiftakru f’dak li kien għadda fl-imgħoddi u ma jsibux tarf. U allura bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Papa Franġisku feħtilhom triq biex huma jibdew  jaħsbu għall-futur, għall-ġejjieni, kif jagħmlu l-paċi flimkien ħalli jkunu jistgħu aktar jersqu lejn il-Mulej. It-talba li se jagħmlu flimkien għada fil-għaxija, wara nofs nhar, se tkun talba lill-Mulej biex jidħol fil-ħajja tagħhom u jagħmlu li huma jħarsu lejn il-futur, lejn futur isbaħ minn dak li kellhom sa issa.

    It-tieni, f’din il-lezzjoni tal-lum mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, nsibu wkoll daqsxejn ta’ dawl fuq l-Ispirtu s-Santu. Ahna ġeneralment ngħidu li aħna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, u ma  nkunu qed nagħmlu xejn ħażin. Imma San Pawl illum tana dawl ieħor għaliex l-Ispirtu s-Santu mhux biss nitolbuh, imma hu jidħol fit-talba tagħna biex it-talba tagħna tkun kif suppost tkun. Smajtuha dik il-kelma li kien qiegħed jgħid San Pawl li: “l-Ispirtu s-Santu jurina meta aħna jkollna nuqqas ta’ fidi? Smajtuha dik il-kelma meta San Pawl jgħidilna li: “aħna rridu nħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu biex it-talbiet tagħna jkun jista jeħodhom f’idejh”? Mingħajr l-Ispirtu s-Santu lanqas nafu x’għandna nitolbu.

    U allura kemm hu sabih li qegħdin hawnhekk flimkien aħna qegħdin nitolbu l-Ispirtu s-Santu mhux biss għall-paċi imma biex hu jsaffilna t-talbiet tagħna ħalli nkunu nafu  nitolbu lil Alla l-Missier permezz tal-Ispirtu s-Santu dak li verament hemm bżonn li jsir f’Pentekoste.

    It-tielet u l-aħħar riflessjoni li xtaqt nagħmel hija dik li rajna fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Ġen 11,1-9). Hemmhekk qed jitkellem fuq Babel għaliex kienu qegħdin jippruvaw – kif tiġi muriha lilna – jippruvaw jagħmlu torri li jasal sal-Mulej u l-Mulej ifixkilhom. U f’daqqa waħda jibdew jitkellmu b’ilsna differenti. Intom tafu li din reġġagħha lura l-Ispirtu s-Santu f’Pentekoste meta San Pietru u l-appostli ħarġu biex jipprietkaw u hemmhekk kulħadd beda jifhem allavolja kellhom lingwi differenti. U hemmhekk reġgħu saru poplu wieħed jitkellmu l-istess lingwa li hija l-lingwa ta’ Ġesu.

    Aħna illum nagħmlu wkoll din it-talba: Mulej, agħmel li dawn l-aħwa tagħna jibdew jitkellmu bl-istess lingwa li hija l-lingwa tal-paċi, li hija l-lingwa tas-sliem. Għalhekk, ħuti, jiena se nieqaf hawnhekk. Tinsewx, f’dawn il-jumejn il-Papa talabna biex inkunu  miegħu ħalli nitolbu. Ejjew ilkoll illum u għada, inkunu ningħaqdu mal-Papa bit-talb tagħna.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta