L-Awtoritajiet tal-Knisja f’Malta waqqfu bord ta’ evalwazzjoni terapewtika, ffurmat minn professjonisti, għall-vittmi minuri ta’ abbuż sesswali. Dan ġie deciż mill-Konferenza Episkopali Maltija (l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Mario Grech) bi qbil mal-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi. Dan is-servizz qed jiġi offrut mill-Knisja bħala parti mill-missjoni pastorali u spiritwali tagħha, u bla ebda preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Knisja fil-proċessi ċivili li jistgħu jinqalgħu, u mingħajr ma tirrinunzja għad-drittijiet ta’ difiża.
Dan il-bord huwa ffurmat minn Dr Anthony Gatt (psikologu), Dr Anthony Dimech (psikjatra) u Mr. Julian Xuereb (social worker). Huma nħatru għal perijodu ta’ tliet snin bil-possibilità li din il-ħatra tiġġedded. Il-Bord għandu jippreżenta rapport annwali tal-ħidma tiegħu lill-Konferenza Episkopali Maltija.
L-iskop tal-Bord huwa li jevalwa u jiddetermina l-għajnuna terapewtika li jista’ jkollha bżonn vittma ta’ abbuż sesswali minn operatur pastorali; jindirizza lill-vittma għand persuna/i professjonali li jistgħu jgħinuha, jew japprova li l-vittma tmur għand il-persuna professjonali li tipproponi; bi ftehim mal-persuna professjonali magħżula u mal-vittma issegwi l-andament u l-ħtieġa tat-terapija li tkun qed tingħata. L-ispiża għall-proċess ta’ terapija se ssir kollha mill-Awtorità Ekklezjali kkonċernata.
Il-kompetenza tal-Bord hija fuq każi deċiżi b’mod definittiv minn Tribunal Ekkleżjastiku, każi deċiżi b’mod definittiv minn Qorti Ċivili jew każi konklużi mir-Response Team tal-Provinċja Ekklezjastika Maltija (u li ma jkunux se jkollhom proċeduri fi Tribunal Ekkleżjastiku jew ma bdewx proċeduri fil-Qrati Ċivili).