***

Direttur:          William Brent Bell

Atturi:             Katie Holmes, Ralph Ineson, Owain Yeoman, Christopher Convery, Anjali Jay, Oliver Rice, Natalie Moon, Daphne Hoskins u Joely Collins

Ħin tal-Film:    86 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

Invażjoni minn xi ħadd mhux magħruf, ħalliet lil Liza b’ferita gravi f’rasha u lil binha Jude ttrawmatizzat  u sieket għall-ħafna xhur.  Sean, ir-raġel ta’ Liza u missier Jude biex jgħinhom joħorġu mit-trawma, ddeċieda li jħallu d-dar fejn kien ġara l-każ u jmorru jgħixu fil-kampanja  ġewwa proprjetà Heelshires.

Hekk kif waslu fil-post, ftehmu li jesploraw l-ambjent li sabu ruħhom fih. Waqt din l-esplorazzjoni fil-masġar, Jude jsib pupu tal-porċellana midfun f’qabar mhux tant fond. Wara li jnaddaf ftit il-ħamrija, Jude jnaddaf il-pupu kif jaf hu. Il-ġenituri ddeċidew li Jude jieħu miegħu l-pupu. It-tifel fi żmien qasir waqqaf relazzjoni mal-pupu tant li Liza u Sean jibdew jemmnu li Jude kien beda juża l-pupu biex jesprimi dak li kien qiegħed ihoss. Iżda, aktar ma beda jgħaddi ż-żmien il-qagħda tibda issir aktar ta’ ħsara għal Jude għaliex il-pupu kien qisu qiegħed jiddetta r-regoli hu, b’riżultat li Jude jibda jirtira f’kamartu u jġorr il-pupu kull fejn ikun sejjer.

Il-ġenituri ma jdumux ma jsiru jafu l-istorja diżastruza  tal-pupu, bi qtil u suwiċidji li twettqu. Fid-dar jibdew iseħħu inċidenti mhux komuni bħal meta darba, il-mejda tqila bl-ikel sabuha maqluba ta’ taħt fuq. Jude kien widdeb lil ommu biex ma tirrabbjax lill-pupu. Liza wkoll sabet xi tpinġija orribbli u vjolenti f’mazz karti fejn Jude kien jikteb in-noti biex ifiehem x’ried jgħid minħabba li baqa’ ma jitkellimx.

Joseph, il-bniedem li kien jieħu ħsieb il-masġar ta’ madwar, daħal fid-dar u mmira is-senter direttament lejn Liza. Hu jibda jgħidilha l-istorja kif Brahms, il-pupu, kien talbu biex isewwih, b’riżultat li Jude issa sar target faċli ghall-pupu għaliex Jude ma kienx tifel b’rieda qawwija. Joseph kompla jgħidilha li Brahms kien sejjer jieħu lil Jude għal dejjem. Liza iżda tattakka lil Joseph bis-senter qabel ma tmur tfittex lil binha. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan, tat-twerwir u b’tema sopranaturali, taħt id-direzzjoni ta’ William Brent Bell u b’kitba ta’ Stacey Menear. Film li jkompli fuq dak li ħareġ fl-2016 bl-isem ta’ The Boy. Minħabba li jittratta tema tal-okkult, vjolenza, xeni tal-biża’, kif ukoll xi  kliem profan, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.