Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt Quddiesa f’għeluq il-100 sena ta’ Bro Edward Galea FSC, fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar.
Bro. Edward, nifirħu miegħek f’għeluq il-mitt sena minn twelidek, bħall-bieraħ fl-1924, hawnhekk Ħaż-Żabbar. Nifhmu li l-Mulej żejnek b’don li tkun missier spiritwali għal ħafna ġenerazzjonijiet ta’ studenti u ngħid jien ukoll għalliema. Il-paternità spiritwali hija sejħa biex tkun missier li tieħu ħsieb, li tgħożż, li teduka, li tapprezza, li b’inkuraġġiment u fuq kollox bl-eżempju, inti toħroġ l-aħjar li hemm fina, tedukah u tagħmel li jikber, li jixxettel, tmantih bil-kelma u bil-ħajja. “Ejjew uliedi”. Illum miegħek nifirħu għad-don tal-ħajja imma nifirħu wkoll għal tant ulied spiritwali li llum qegħdin jissieħbu miegħek biex lill-Mulej jgħidulu grazzi, fik u għalik.“Ejjew uliedi, isimgħu lili”. Bro. Edward inti ma titkellimx biss bil-fomm imma bix-xhieda u bl-eżempju, bil-preżenza tiegħek. Ta’ dan nirringrazzjaw lill-Mulej li għażlek biex tkun konfessur, bnieden li jistqarr il-fidi, imma wkoll martri. Xhud tal-imħabba ta’ Alla għalina. “Ejjew uliedi isimgħu lili; jien il-biża’ tal-Mulej ngħallimkom (Salm 33:12), il-biża’mhux it-terrrur imma ir-rispett.
Inti b’ħajtek, bl-għażliet tiegħek, bil-fedeltà tiegħek għallimtna u tgħallimna li lil Alla nittrattawh ta’ Alla li hu. Dak huwa il-biża’ ta’ Alla, li lil Alla nittrattawh ta’ Alla li hu. Alla li jħobb, Alla li jifhem, li jagħraf, li jagħder, imma li huwa wkoll il-verità, is-sewwa. U li aħna jkollna il-biża’ tal-Mulej, mhux it-terrur li istintivament ibeżżagħna minn xi ħaġa, imma r-rispett li għandna bżonn nitgħallmuh. Il-biża’ u t-terrur ma għandniex bżonn nitgħallmuhom – huma parti mill-istint li jgħinna nibqgħu ħajjin, nippreservaw lilna nfusna. Imma hemm biża’ li hemm bżonn titgħallmu, għandek bżonn xi ħadd twajjeb li jgħallimulek. Il-biża’ li huwa r-rispett, li huwa l-għerf, li huwa wkoll ubbidjenza, doċilità ferħana, doċilità ta’ fiduċja, u ta’ lealtà.
Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja u jixtieq jara għomru kollu risq? U dan il-kliem ta’ Salm 33, Bro. Edward jien nimmaġinak tirrepetihom f’kull klassi li dħalt fiha, f’kull mansjoni li kellek ta’ diliġenża fil-Kulleġġ De La Salle. “Ħares ilsienek mill-ħażen u xofftejk mill-kliem il-qerq. Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, fittex is-sliem u imxi warajh” (Salm 33:14). Dan il-kliem ta’ Salm 33 jiġbru fihom, huma sintesi ta’ kemm-il parir tajt, mhux biss bil-kliem imma bl-eżempju.
Ġesù fil-Vanġelu tal-lum jinsisti li Hu ser jingħata għalina b’mod totali. Il-kliem tiegħu jqajjem fil-kontemporanji tiegħu, u fiċ-ċiniżmu li jibqa’ għaddej ivenven madwarna, skandlu, ammirazzjoni. “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jien inqajmu mill-inwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:55). L-insistenza ta’ Ġesù, għax ġismu huwa tassew ikel u demmu hu tassew xorb. U Ġesù jinsisti fuq din il-ħaġa: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6:56).
Brother, jien nixtieq nirringrazzak tad-devozzjoni qawwija li għandek lejn Ġesù fl-Ewkaristija għax fik iseħħu dawn il-kliem ta’ Ġesù u għalina jkunu sinjal ta’ tama qawwija. Ġesù jgħid: “min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih” (Ġw 6:56).
Aħna madwarek illum nirringrazzaw lil Alla talli ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ studenti u għalliema ta’ De LaSalle ħassew fik u permezz tiegħek, mhux biss inti imma diversi mill-Brothers għax dan hu don kbir għalik li hemm Ġesù fihom, li huma f’Ġesù u Ġesù fihom. U kif għallimkom il-qaddis kbir Ġwann Battista De La Salle intom tieħdu nutriment u qawwa minn Ġesù fl-Ewkaristija, biex tgħallmu lid-dinja għatxana għas-sewwa u għall-verità, l-għerf u l-għaqal tat-tjubija.
Ġesu’ jinsisti: “bħalma bagħatni l-Missier li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija”(Ġw 6:57).
F’intervista li tajt m’ilux, poġġejt id-domanda lilek innifsek: imma għaliex ħallieni hawn sa issa, mitt sena? Ir-risposta nħalluha f’idejh. Aħna biss ningħaqdu miegħek biex nirringrazzjaw lil Alla, biex fil-ħarsa t’għajnejk u fil-kelma li toħroġ minn xofftejk, aħna għadna niltaqgħu ma’ persuna li ħabbet lil Ġesù fuq kollox, tat ħajjitha bħalma għamel il-Mulej ma’ kull wieħed u waħda minna, u inti tgħix b’Ġesù. Min jiekol ġismi, hu wkoll jgħix bija.
Mela aħna u nirringrazzjaw lil Alla, nagħmlu din l-Ewkaristija li hija ringrazzjament, niftakru wkoll fil-kelma li jgħallimna l-għażiż Dun Ġorġ: “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla”. Il-grazzi hija dovuta għax kollox ġej minnu, anke l-mumenti ta’ dlam hemm warajhom provvidenza, imqar meta jfittxuk in-Nażi hemm warajhom provvidenza, imma tajjeb ngħidulu: “aħfirli Sinjur Alla”. Għax b’dik il-kelma aħna nirrikonoxxu li midjunin tassew miegħu, mal-ħniena tiegħu: “grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla.”
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta