L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kollox hu mitmum!” (Ġw 19:30) Dawn huma l-kelmiet li, fl-Evanġelju skont San Ġwann, qal Ġesù fuq is-salib qabel mejjel rasu u miet. F’dawn il-kelmiet għandna l-messaġġ ewlieni li jagħti l-Evanġelista San Ġwann b’dan ir-rakkont tal-Passjoni li għadna kif smajna.
Fl-Evanġelisti l-oħra, insibu enfasi fuq it-tbatija kbira li għadda minnha Ġesù: is-swat, id-daqqiet ta’ ħarta, ix-xewk, il-bżieq, it-toqol tas-salib, l-insulti, it-tgħajjir. Ifakkruna f’dak li smajna fl-Ewwel Qari, fil-ktieb tal-Profeta Isaija: “bħal ħaruf meħud għall-qatla”. Verament, Ġesù sofra ħafna. Imma l-Evanġelista San Ġwann, għalkemm juri t-tbatija, iqiegħed l-enfasi fuq Ġesù li bil-passjoni u l-mewt tiegħu qiegħed itemm il-missjoni li jifdi l-umanità – “kollox hu mitmum!”
Rebbieħ mill-bidu
Innutaw kif Ġesù hu diġa rebbieħ mill-mument li jiġi arrestat fil-Ġnien tal-Ġetsemani. Huwa hu li jmur fuq is-suldati u l-għases flimkien ma’ Ġuda, u huwa hu li jistaqsi “lil min qegħdin tfittxu?” (Ġw 18:4) U meta jgħid “Jiena hu” (Ġw 18:5) – li tfakkarna fid-dehra ta’ Alla lil Mosè u kif iddeskriva lilu nnifsu – is-suldati jersqu lura u jaqgħu mal-art. U meta Pietru jislet is-sejf u jaqta’ barra l-widna tal-qaddej tal-qassis il-kbir, Ġesù jgħidlu: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” (Ġw 18:11) Quddiem Anna Ġesù jitkellem ċar: “Jien tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd” (Ġw 18:20); u quddiem Pilatu jistqarr “jien sultan” (Ġw 18:37), u jitkellem fuq is-saltna tiegħu li mhijiex ta’ din id-dinja. Pilatu nnifsu jiddikjara b’mod ċar li ma jsib fih ebda ħtija. Ġesu hu rebbieħ f’kull waqt tal-Passjoni sal-mument li jgħid “kollox hu mitmum”; hu rebbieħ għax qed itemm il-Pjan tas-Salvazzjoni.
Il-ħażen hu tellief
Innutaw il-kuntrast mal-konċentrazzjoni ta’ ħażen li nsibu fil-ġrajja kollha tal-Passjoni. It-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħdiet ta’ Pietru, in-nies li fir-referendum li għamel Pilatu għażlu lil wieħed brigant – lil Barabba – flok lil Ġesù, u Pilatu li hu dgħajjef u jċedi quddiem il-pressjoni tal-folla. Mhuwiex kapaċi jiddeċiedi skont dak li stqarr diversi drabi: li Ġesu hu innoċenti. Il-ġrajja tal-Passjoni turina dan il-ħażen f’kuntrast ma’ Ġesù. Dawk kollha li kellhom sehem f’dan il-ħażen ukoll ħasbu li setgħu jgħidu “kollox hu mitmum” meta raw lil Ġesù jmut. Imma l-Evanġelju juri li l-ħażen hu tellief u r-rebħa hija ta’ Ġesù.
L-omm rebbieħa
Ġesù jissiġilla din ir-rebħa minn fuq is-salib meta jagħtina lil ommu Marija bħala omm tagħna. Fl-Evanġelista San Ġwann, hemm rabta bejn l-ewwel darba li tidher Marija fil-ministeru ta’ Ġesù – fit-tieġ ta’ Kana – u l-aħħar darba li tidher, hawnhekk taħt is-salib. Dak inhar tat-tieġ ta’ Kana, hi kienet qaltlu li ma għandhomx inbid, u Ġesù weġibha: “X’hemm bejni u bejnek mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (Ġw 2:4). Issa fuq is-salib, fejn qed jgħix is-siegħa kruċjali tiegħu, hemm rabta kbira bejn Ġesu u Marija. Isejħilha bl-istess mod, imma jgħidilha: “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26) u lid-dixxipli l-maħbub “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Hija l-omm rebbieħa, għax hi wkoll temmet ir-rieda tal-Missier bħalma temmha Ġesù fuq is-salib.
Illum, filwaqt li nagħtu qima lil Ġesù fuq is-salib, nitolbuh li aħna dejjem ikollna f’qalbna li t-triq li twassalna biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna hi t-triq tar-rebħa. Anke qalb it-tbatijiet tal-ħajja, meta naffaċċjaw ħafna iebes u meta naraw kollox dlam, hi din it-triq li twassal għal ħajja ġdida.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju