-
Bżonn ta’ Azzjoni Konkreta
-
12 ta’ Ottubru 2013
Quddiem il-ġrajjiet li seħħew f’dawn l-aħħar siegħat, fejn għal darb’oħra intilfu għexiren ta’ ħajjiet fil-baħar ta’ madwarna, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jixtiequ:
-
juru n-niket tagħhom li dan irrepeta ruħu u ma jidhirx li jeżisti xi proġett konkret biex traġedji bħal dawn ma jkomplux isiru;
-
juru l-apprezzament tagħhom għall-ħidma u l-kuraġġ tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta biex isalvaw dawn il-ħajjiet, kif ukoll tal-impenn meħud mill-Awtoritajiet Ċivili biex jilqgħu għal din l-emerġenza;
-
jħeġġu lill-Maltin u l-Għawdxin biex jitolbu għal dawn il-persuni kollha nvoluti u joffru l-għajununa tagħhom lill-organizazzjonijiet f’pajjiżna li jgħinu lil dawn il-persuni;
-
jinfurmaw lil sħabhom isqfijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex iwasslu lill-Awtoritajiet Ċivili f’pajjiżhom l-urġenza li jimpenjaw irwieħhom politikament għal soluzzjonijiet prattiċi u f’qasir żmien;
Hija r-responsabilità tal-Unjoni Ewropeja, li temmen fil-prinċipji tad-dinjita umana u tas-solidarjetà, li flimkien ma’ pajjizi oħra tara kif twettaq dawn il-prinċipji b’risq kull bniedem, partikolarment ma’ dawk li ħajjithom hija mhedda bħal fil-każ tar-refuġjati. Kif qal dan l-aħħar il-Kardinal Reinhard Marx, President tal-COMECE, l-Ewropa tallum “mhix l-Ewropa li rridu”.
✠ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
President tal-Konferenza Episkopali✠ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta✠ CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta -