• ***

    Direttur: Enrique Gato

    Atturi: (vuċijiet ta’) Dani Rovira, Michelle Jenner, Carme Calvell

    Ħin: 94 minuti

    Maħruġ minn KRS Releasing Limited

    Klassifika tal-Gvern: U

    Klassifika tal-Knisja: U

    Richard Carson, baruni taż-żejt minn Texas u li huwa l-protagonist fi programm tat-televiżjoni li jisponsorjah hu stess, jiddikjara li għandu provi li l-missjoni ta’ Apollo 11 ta’ l-1969 meta għall-ewwel darba nieżel il-bniedem fuq il-qamar hija kollha ħrafa, u jħabbar il-pjan tiegħu li jmur hu fuq il-qamar. Il-President ta’ l-Istati Uniti tħossha xxokkjatha meta tisma’ x’qal Carson u tordna li NASA tibgħat missjoni oħra lejn il-qamar. Scott Goldwing, astronaut li jkun għadu qed jitħarreġ, jiġi magħżul biex imur fuq din il-missjoni u juri lid-dinja li l-bandiera amerikana li l-crew ta’ Apollo 11 kienu waħħlu fuq il-qamar għadha hemm. Din l-aħbar tkun sabieħa u kerha għal Scott; sabieħa għax kien ilu joħlom li jintgħażel biex imur fuq missjoni lejn il-qamar; kerha għax se jkollu jitħarreġ taħt missieru li jkun ilu miġġieled miegħu. Missieru kien ukoll astronawta ta’ Apollo imma qatt ma ntbagħat lejn il-qamar. L-aħbar li Scott se jmur lejn il-qamar, iżda, hija ta’ ferħ bla  qies għat-tifel tiegħu, Mike, ta’ 12 il-sena, li jaf kemm din il-missjoni tfisser għal missieru, u jixtieq  li jkun hemm rikonċiljazzjoni bejn missieru u n-nannu.

    Film animat spanjol, divertenti u li għandu joġgħob kemm liż-żgħar u kemm lil kbar. Għandu elementi mill-film klassiku ‘Apollo 13. Jgħodd għal-familja kollha.