Poverty

“L-aqwa prevenzjoni kontra l-faqar hija l-edukazzjoni”. Dan hu wieħed mill-prinċipji espressi fuq is-sit internet www.zeropoverty.org li tappoġġja l-kampanja tal-Caritas fl-Ewropa kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Din il-kampanja, ippreżentata lbieraħ fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Brussell, fetħet uffiċjalment. Fuq is-sit internet kulħadd jista’ jirreġistra għall-petizzjoni li tesponi erba’ għanijiet – l-eradikazzjoni tal-faqar fost it-tfal, żjieda fis-sigurta soċjali, żjieda fis-servizzi personali u dawk tal-kura tas-saħħa u żjieda fl-impjiegi. Mill-istess sit kulħadd jista’ jikseb ukoll tagħrif dwar l-attivitajiet ippjanati mill-Caritas matul din is-sena 2010, li hi s-sena msejħa mill-Unjoni Ewropea s-Sena kontra l-Faqar. Dan minbarra li wieħed jista’ jsib l-għodda u l-materjal sabiex jieħu hu nnifsu azzjoni.

Aktar minn hekk is-sit internet jelenka 13-il missjoni konkreta li ċ-ċittadini kollha Ewropej huma mistiedna jieħdu sehem fihom. Dawn jinkludu taħdit dwar il-faqar li jesponi aspetti differenti partikolarment fejn huma involuti t-tfal, ix-xiri ta’ prodotti f’negozju ġust, l-għoti ta’ donazzjonijiet lil organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt minflok rigali f’għeluq snin ta’ persuni differenti u appoġġ lin-negozji lokali.