Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Anzjani, illum l-1 ta’ Ottubru, Caritas Malta ċċelebrat l-anzjani bit-tema ‘Ħudu Ħsiebna’ u organizzat ċelebrazzjoni permezz ta’ quddiesa fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal ġdid, li għaliha attendew madwar 600 anzjan li ġew mill-komunità, parroċċi u minn diversi djar tal-anzjani.
Il-quddiesa kienet ċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, li kien akkumpanjat mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Dun Martin Micallef u l-koordinatur djoċesan għall-pastorali mal-anzjani, Dun Simon Sciberras. Waqt l-omelija l-Isqof għadda messaġġ il-messaġġ li l-paċi f’qalbna hi l-isbaħ ħaġa li jista’ jkollna anke jekk inkunu qed inbatu mill-mard u t-tbatija.
“Jien nixtieq illum nitlob ħafna għalikom, biex il-Mulej jagħtikom l-għajnuna li għandkom bżonn u jgħinna lkoll napprezzaw dejjem il-ħin tagħkom; jipprovdilkom lil min jimxi magħkom u jakkumpanjakom fit-triq tal-ħajja; u speċjalment biex il-Mulej jagħtikom il-paċi tal-qalb bl-imħabba tiegħu, ħalli tkunu tistgħu tgħixu snin li Alla jagħtikom bl-isbaħ mod; u tgħixuhom tassew b’ħajja ta’ tifħir,” qal l-Isqof Awżiljarju.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt esprima l-apprezzament lejn l-anzjani u kemm kienu ta’ bastun għall-ġenerazzjonijiet iżgħar u awgura li huma f’din l-età sabiħa tagħhom isibu bastun f’uliedhom u qrabathom.
F’dan il-jum, residenti minn djar terapewtiċi ta’ Caritas Malta kienu ta’ sapport għall-anzjani, speċjalment dawk li għandhom problema ta’ mobbiltà.
Caritas Malta tirringrazzja lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio, lill-Arċipriet Dun Marc Andre Camilleri u lil dawk kollha li pparteċipaw biex din iċ-ċelebrazzjoni fil-Jum Dinji għall-Anzjani setgħet kienet possibbli.