Il‑Knisja f’Malta tistieden lill‑Kattoliċi kollha f’Malta sabiex jinġabru flimkien għal ċelebrazzjoni djoċesana lejlet il‑festa ta’ Għid il‑Ħamsin, nhar is‑Sibt, 18 ta’ Mejju 2024, fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Furjana fis‑7:30pm.
L‑istedina ta’ din is‑sena hi mnebħa mill‑Atti tal‑Appostli: “U dehrulhom ilsna qishom tan‑nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl‑Ispirtu s‑Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal‑Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu” (Atti 2:3-4).
Iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana se tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna u se jkun hemm mument ta’ talb minn diversi gruppi u movimenti fi ħdan id-djoċesi u katekeżi minn Dun Paul Sciberras. Tliet persuni se jkunu qed jaqsmu l‑esperjenza tal‑fidi tagħhom, fosthom persuna li se titkellem dwar l‑esperjenza missjunarja tagħha u kif wasslet il‑Bxara t‑Tajba f’art imbiegħda. Il‑qofol taċ‑ċelebrazzjoni se jintlaħaq bl‑adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija u t‑talb lill‑Ispirtu s‑Santu minn għaqdiet u movimenti Nsara.
Fil‑festa ta’ Għid il‑Ħamsin, il‑Knisja tfakkar l‑inżul tal‑Ispirtu s‑Santu fuq l‑Appostli u l‑bidu tal‑ħajja tal‑Knisja, hekk kif id‑dixxipli bdew ixandru l‑Bxara t‑Tajba mad‑dinja kollha.
Aktar dettalji jinkisbu fuq Knisja.mt.