• Nhar il-Ħadd l-1 ta’ Frar 2015, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Għal din il-Quddiesa ġew mistiedna wkoll koppji li qed jistennew tarbija. 

    L-Omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    1 ta’ Frar 2015
    Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd toffrilna l-opportunità li nieqfu ftit fil-mixja tal-ħajja u ngħidu grazzi. Jiena persważ li, b’mod speċjali llum, il-preżenza tagħna hawnhekk hija qabel xejn preżenza ta’ gratitudni. Ilqajna l-istedina biex nieqfu u ngħidu grazzi għad-don, għar-rigal sabiħ tal-ħajja. Il-gratitudni iżda, għandna nsarrfuha wkoll f’impenn biex il-ħajja mhux biss niddefenduha imma nimpenjaw ruħna biex ingawduha fl-aspetti kollha tagħha, bl-isfidi kollha li ġġib magħha. Għandna wkoll id-dmir li l-ħajja tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri niggarantulha ambjent fejn tiffjorixxi, ambjent li dejjem ikun tassew sabiħ u li jixraq id-dinjità tal-ħajja umana.

    Jiena nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet ispirati mill-Kelma ta’ Alla, li llum titkellem dwar il-persuna ta’ Ġesù li kif smajna, tkellem b’awtorità. Il-Vanġelu jitkellem dwar is-setgħa, għalkemm il-kelma oriġinali hija eqreb lejn l-espressjoni Maltija ‘jitkellem mill-qalb’. L-awtorità ta’ Ġesù ma kinitx ġejja minn xi status, lanqas minn xi klassi għolja li kien jifforma parti minnha. Ġesù kien mastrudaxxa, kien iben mastrudaxxa, imma l-kelma tiegħu kienet ħierġa mill-qalb. Dik kienet is-setgħa ta’ Ġesù. Kull min kien jisimgħu kien jifhem li hu persważ minn kull kelma li qed jgħid u għalhekk kien jgħidha b’awtorità. Aħna li nafuh u nemmnu fih bħala l-Iben t’Alla, nifhmu wkoll li l-awtorità tal-Kelma ta’ Ġesu kienet ġejja mill-ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier. U għalhekk fl-ewwel qari smajna t-tagħlim dwar il-profeta. Il-profeta huwa dak li jitkellem f’isem Alla, iżda malli jibda jivvinta minn żniedu jitlef l-awtorità tiegħu. L-awtorità ta’ Ġesu ġejja mill-konvinzjoni u mill-ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier.

    Fil-Vanġelu smajna wkoll kif Ġesù ma setax jevita l-konfront. Niftakru li ta’ 40 ġurnata (fil-preżentazzjoni tal-Mulej li se niċċelebraw għada) il-profeta Xmun qal dan il-kliem: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh” (Lq 2, 34). Aħna wkoll ma nistgħux nibżgħu minn din ir-realtà. Il-kelma tagħna se ssib min ma togħġbux, imma anke hawn ma nistgħux nisktu jew nibżgħu milli nwasslu t-tagħlim tal-Mulej. Ħasra jekk jien, bħala Isqof, ninqeda bil-ministeru tiegħi biex inwassal il-fehmiet ta’ moħħi. Intom għandkom tisimgħu mingħandi l-Kelma tal-Mulej kif imfissra u mdawwla mill-Knisja, f’għaqda mal-Papa, mal-Papa Franġisku. Jekk jien nibża’ nxandar il-kelma tal-ħajja u tad-difiża tal-ambjent inkun qed nonqos fid-dover tiegħi.

    Nixtieq naqra xi siltiet li l-Papa Franġisku kiteb fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium: “Jekk xi ħadd iħossu offiż bi kliemi, ngħidlu li dan qed inlissnu b’imħabba u b’intenzjoni tajba, lil hemm minn kull interess personali jew ideoloġija politika. Il-kelma tiegħi mhix dik ta’ xi għadu u lanqas ta’ xi ħadd ieħor. Jinteressani biss li nħabrek biex dawk li huma lsiera ta’ mentalità individwalista, indifferenti u egoista, jistgħu jinħelsu minn dawk il-ktajjen xejn xierqa u jaslu għal stil ta’ ħajja u ta’ ħsieb iżjed uman, iżjed nobbli li jħalli aktar frott, li jagħti dinjità lill-mixja tagħhom f’din id-dinja”.

    F’Evangelii Gaudium, il-Papa jitkellem ukoll dwar id-don tal-ħajja, dwar id-difiża tal-innoċenti fil-ġuf t’ommhom, u jgħid li t-tagħlim tal-Knisja kontra l-abort mhux suġġett għal xi tibdil imma huwa prinċipju li aħna ma nistgħux ninnegozjawh, kif jgħidu bl-Ingliż: non-negotiable. Il-Papa Franġisku  jgħid li “l-Knisja ma tkunx progressista jekk tippretendi li tista’ ssolvi l-problemi billi teqred ħajja umana. Imma hu wkoll minnu li ftit għadna għamilna biex insieħbu b’mod xieraq lin-nisa li jsibu ruħhom f’qagħdiet tassew iebsa fejn l-abort donnu jidher quddiemhom bħala soluzzjoni ta’ malajr għas-sens qawwi ta’ ħtija li jkollhom, partikolarment meta l-ħajja li tkun qed tikber fihom tkun tnisslet frott ta’ xi vjolenza, jew f’kuntest ta’ faqar estrem”. Dan il-kliem li għadna kemm smajna, nixtieq li nifhmuh tajjeb fis-soċjetà tagħna. Il-Papa jkompli jgħid, “Min jista’ ma jifhimx sitwazzjonijiet ta’ uġigħ il-qalb għal dawn?” Komprensjoni u kompassjoni. Il-prinċipji aħna rridu nippridkawhom, imma mingħajr ma nkunu ħarxa ma’ min jinsab f’sitwazzjonijiet tassew diffiċli.

    Waqt li nitkellmu dwar id-difiża tal-ħajja u l-gratitudni tad-don tal-ħajja, wieħed ma jistax ma jaħdimx biex fis-soċjetà jonqos il-kuntest ta’ vjolenza u ta’ faqar li ħafna drabi mhux biss ikisser il-kwalità tal-ħajja imma huwa theddida għall-ħajja nnifisha. Bl-istess mod kif fis-soċjetà tonqos it-tama u ż-żgħażagħ tagħna ma jkunux jistgħu joħolmu futur sabiħ u għalhekk jaslu biex jagħmlu ħsara lilhom nfushom jew inkella jaqtgħu ħesrem l-avventura sabiħa tal-ħajja għax m’għandhiex skop, m’għandhiex il-potenzjalità li toħlom.

    Jekk aħna qed nitkellmu fuq l-ambjent tal-ħajja, ma nistgħux ma nitkellmux ukoll fuq ir-responsabbiltà li għandna għall-ħlejjaq l-oħra. U biex ħadd ma jifhem li dan qed ngħidu minn żniedi, ħa naqra l-kliem tal-Papa, mingħajr ma nżid xejn, mill-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, fil-paragrafu 215: “Hemm ukoll ħlejqiet oħra dgħajfa u bla difiża, li ħafna drabi huma mitluqa għall-ħniena tal-interessi ekonomiċi u ta’ sfruttament inġust. Qed nitkellem dwar il-ħolqien bħala realtà sħiħa. Bħala bnedmin aħna m’aħniex biss benefiċjarji, imma ħarriesa tal-ħlejjaq l-oħra. Permezz tar-realtà ta’ ġisimna, Alla tant għaqqadna ħaġa waħda mad-dinja ta’ madwarna li d-deżertifikazzjoni tal-ħamrija hi bħal marda għal kull wieħed u waħda minna, u nistgħu nibku l-estinzjoni ta’ xi speċi bħallikieku kienet titbiċċrilna parti minn ġisimna stess. Ejjew ma nħallux li minn fejn ngħaddu aħna, inħallu warajna sinjali ta’ qerda u ta’ mewt li joqtlu lil ħajjitna u dik tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna”.

    Nikkonkludi din ir-riflessjoni, billi nikkwota paragrafu 216, li huwa l-iqsar wieħed fl-Eżortazzjoni, fejn il-Papa jgħid hekk: “ċkejkna imma mseddqin fl-imħabba ta’ Alla, bħal San Franġisk t’Assisi, aħna l-Insara kollha msejħin nieħdu ħsieb tad-dgħufija tal-poplu u tad-dinja li fiha ngħixu”. 

    ​  Charles Jude Scicluna
        Isqof Titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta
  • ​Ritratti: Photocity, Valletta.
    www.photocitymalta.com