• Nhar it-Tnejn 2 ta’ Frar 2015, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, mexxa ċelebrazzjoni fil-Knisja ta’ Santa Tereża, Birkirkara, għar-reliġjużi rġiel u nisa, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja Kkonsagrata.

  • Messaġġ tal-Isqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja Kkonsagrata

  • Insellem liż-żewġ Isqfijiet reliġjużi, lill-Isqof għażiż Pawlu Cremona u lill-Isqof Adeodato Micallef. Tislima kordjali u mill-qalb lilkom ukoll, għeżież reliġjużi.

    F’dan il-Jum iddedikat lill-Ħajja Kkonsagrata, u f’din is-sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata, jiġini f’qalbi sens kbir ta’ gratitudni. Grazzi Mulej ta’ dan id-don sabiħ li f’kull żmien u f’kull epoka tagħti lill-Knisja tiegħek. Id-don tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej li qanqal lill-fundaturi tagħkom biex mhux biss jidħlu f’avventura personali ta’ mħabba mal-Mulej, imma wkoll iħallu lill-Mulej jużahom u jinqeda bihom biex lill-Knisja jagħtuha rigal ta’ kariżma ġdida. Wara kollox, il-kelma kariżma tfisser don. U għalhekk, l-ispirazzjoni li ngħtat lill-fundaturi tagħkom hija rigal ta’ Alla, tal-Ispirtu Qaddis li l-għarusa tiegħu hi l-Knisja.

    Jiena ħadt pjaċir nisma’ dawn is-siltiet tal-fundaturi kollha. Napprezza l-fatt li f’din il-litanija twila ta’ fundaturi skoprejna u fakkarna ‘l xulxin f’doni li l-Mulej żera’ ‘l barra minn xtutna u xettel hawnhekk, u doni oħrajn li l-Mulej żera’ u ħawwel hawn Malta u mbgħad ixxettlu barra minn Malta. Jiena nixtieq nirringrazzja lill-Mulej tal-preżenza reliġjuża li rċivejna minn pajjiżi oħra mill-familji reliġjużi kbar tal-Knisja, imma wkoll nirringrazzja ‘l Alla f’isem il-Knisja tad-don ta’ ordnijiet reliġjużi lokali. Il-ħajja reliġjuża li tinbet fil-Knisja lokali hija wkoll sinjal ta’ Qdusija u sinjal ta’ fedeltà lejn Ġesù.

    Fil-Kelma ta’ Alla li llum titħabbar fil-Liturġija, il-Mulej jingħata diversi titli sbieħ minn Xmun il-Profeta. Naqraw li meta l-Mulej kien għadu tarbija ta’ 40 jum, Marija u Ġużeppi ppreżentawh fit-Tempju, kif kienet titlob il-liġi. Ħadu magħhom l-offerta tal-fqar: par gamiem jew żewġt ibċieċen. Ma ħadux il-ħaruf li tifdi lit-tifel il-kbir, imma taw offerta sostituttiva, li kienet tingħata minn min ma setax jippreżenta ħaruf. Aħna nafu li l-Familja Mqaddsa tat Ħaruf u żewġt ibċieċen għax fit-Tempju ppreżentat lill-Ħaruf t’Alla. It-tarbija kienet il-Ħaruf u għalhekk Ġużeppi ma kellux bżonn jieħu ħrief miegħu. Imma dan it-titlu ta’ Ġesù, ‘Il-Ħaruf ta’ Alla’, ifakkarna fil-kelma oriġinali li bl-Aramajk tfisser ukoll iben u tfisser qaddej. Fl-offerta li ppreżentaw Ġużeppi u Marija hemm l-Iben ta’ Alla, il-Qaddej ta’ Alla, il-Ħaruf tas-sagrifiċċju. U Xmun, ispirat mill-Ispirtu Qaddis, meta jara lit-tarbija jgħid ‘Għajnejja raw is-Salvazzjoni ta’ Alla, li int ħejjejt għall-poplu t’Alla’. Is-salvazzjoni, l-ewwel titlu ta’ Ġesù, imma jgħidlu wkoll ‘dawl għall-ġnus’. Jiena rrid nawgura u nitlob li x-xhieda tagħkom li twassal tant salvazzjoni, tant ġid, tant tagħlim u tant saħħa lil tant komunitajiet, tkun xhiedha tas-salvazzjoni li jwassal Ġesù. Jalla kull min jiltaqa’ magħkom jista’ jirrepeti l-kelma ta’ Xmun. ‘Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħi’.

    Dawl u glorja. Id-dawl huwa kontra d-dlam. Ejjew inneħħu minn qlubna d-dlamijiet tad-dnub u nkunu ulied id-dawl. Il-glorja hija ta’ Alla, aħna xhieda tagħha. Ejjew inneħħu minn qlubna kull għatx għall-glorja tad-dinja, biex f’qalbna tidher il-glorja ta’ Alla.

    Hemm titlu ieħor li jissemma fil-Liturġija. Xmun, lil ommu, lil omm Ġesù jgħidilha, “Ara, dan ikun sinjal li jmeruħ, u int sejf ser inifdlek qalbek”. Aħna ma nistgħux inkunu xhieda ta’ Ġesù u dixxipli tiegħu jekk ma naċċettawx dan it-titlu ta’ Ġesù li nkunu sinjal li jmeruna. Tibżgħux mill-fatt li l-Kunsilli Evanġeliċi, l-ubbidjenzà, il-faqar u l-kastità, li tant huma kontra l-kurrent ta’ kull epoka, ikunu għalikom ukoll kontradizzjoni tad-dinja. Wara kollox il-ferħ li jsemmi l-Papa Franġisku biex jagħmel kuraġġ mhux biss lilkom imma lill-Knisja, hi li tammira u tapprezza d-don li intom. Dan il-ferħ jiġi mill-fatt li intom tgħixu b’fedeltà kbira u anke b’sagrifiċċju kbir f’tensjoni kontinwa, id-doni kbar tal-faqar, tal-ubbidjenzà, tal-kastità.

    Aħna se nkunu sinjal li jmeruna, imma mhux għalhekk nibżgħu, mhux għalhekk inraħħsu l-prezz. Meta taqra l-kitbiet tal-fundaturi tal-Knisja, tirrealizzaw li huma m’għamlux discount mal-Mulej, ma nnegozzjawx miegħu. “Hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. U l-istallett li Xmun semma’ lil Marija x’kien? L-istallet tal-kompassjoni li jinfed il-qalb. U jiena nistedinkom, ħuti għeżież reliġjużi, li ma tibżgħux mill-prezz, mill-istallett tal-kompassjoni li jinfed il-qalb, li intom tkun qrib it-tbatija tal-bniedem tal-lum, għax hekk inkunu verament il-preżenza ta’ Marija fid-dinja tal-lum.

    Aħna u nħarsu lejn il-bniedem miġruħ fit-triq ta’ Ġeriko ma nibżgħux minnu, ma naħarbux minnu u bħas-Samaritan it-tajjeb indewwu l-ġerħat tiegħu, ngħabbuh u nwassluh fil-lukanda u nagħmlu ħilitna biex iħossu aħjar. U jiena nixtieq nirringrazzja ‘l Alla tal-preżenza tagħkom fejn hemm it-tbatija, tal-preżenza tagħkom fejn hemm bżonn it-tagħlim, fejn hemm bżonn il-kura tal-morda u l-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, u l-kura fil-parroċċi tagħna tal-ġisem u tal-Ispirtu. Jalla l-Mulej ibierek din il-ġenerożità.

    L-aħħar talba tiegħi li se tkompli quddiem Ġesù Ewkaristija hija li jkollna vokazzjonijiet reliġjużi kontinwi għall-ħajja reliġjuża. Dalgħodu bdejt il-ġurnata billi qaddist il-Liturġija mal-Klarissi ta’ San Ġiljan u tlabthom din il-talba, ‘Ejjew nitolbu għall-vokazzjonijiet’. Nafu iżda li l-vokazzjonijiet iridu jiġu mill-familji li ma jibżgħux mid-don tal-ħajja u mid-don tal-ulied. Mela ma nibżgħux u ma niddejqux li lil Ġesù, meta nitolbuh għad-don tal-vokazzjonijiet, nitolbuh għall-ħajja tal-familja, għal dawk li huma msejħin għall-ħajja taż-żwieġ biex l-għotja ġeneruża tagħhom u d-disponibiltà li jilqgħu lill-ulied bħala don tagħti lill-Mulej l-opportunità u l-possibiltà li jibqa’ jsejjaħ.

    Ix-xhieda ferħana tagħkom anke f’età avvanzata hija neċessarja. Komplu tbissmu, avolja l-ħajja ġġiegħlek tgħid ‘ajma’ jew ‘aħħ’. Komplu kunu ferħanin bil-vokazzjoni tagħkom għax id-dinja għandha bżonn id-don li intom intom.

    ​  Charles Jude Scicluna
        Isqof Titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity
    www.photocitymalta.com