Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qed torganizza ċelebrazzjoni interreliġjuża tal-ħolqien, fl-20 ta’ Settembru 2024 fis-19:30, fil-Knisja ta’ Santa Marija tal-Angli f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Dan l-avveniment qed isir sabiex irawwem iċ-ċelebrazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent, bil-ħsieb li jgħaqqad ir-reliġjonijiet ewlenin fi kollaborazzjoni sħiħa bejniethom. L-għan huwa sabiex tingħata importanza lill-“istaġun tal-ħolqien”, ċelebrazzjoni annwali ta’ talb u azzjoni għar-rispett u l-protezzjoni tal-ħolqien, iċċelebrata mill-Insara madwar id-dinja. L-istaġun tal-ħolqien jibda fl-1 ta’ Settembru, fil-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, u jibqa’ għaddej sal-4 ta’ Ottubru, fil-festa ta’ San Franġisk t’Assisi. San Franġisk huwa magħruf għall-imħabba tiegħu lejn l-ambjent naturali, u jirrappreżenta r-rispett lejn ir-reliġjonijiet.
Kelliema minn diversi reliġjonijiet se jagħmlu preżentazzjoni qasira li tiċċelebra l-ħarsien u r-responsabilità ambjentali, ispirati mit-tradizzjoni tal-fidi tagħhom stess.