Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju 2013, fit-8.00 p.m. f’għeluq il-Ġimgħa Ewkaristika, fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913, saret ċelebrazzjoni Djoċesana fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Din tmexxiet mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. bis-sehem tan-Nunzju Appostoliku, Mons. Aldo Cavalli, l-Isqof Awżiljarju Mons. Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Mons. Ġużeppi Mercieca u l-Isqof ta’ Malindi l-Kenya Mons. Emmanuel Barbara. Għal din iċ-ċelebrazzjoni attendew madwar 300 tifel u tifla li resqu għall-Ewwel Tqarbina f’dawn il-ġranet. Kien hemm madwar 3500 persuna li attendiet għal din iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Il-purċissjoni tad-dħul tal-Quddiesa ħarġet mill-Konkatidral ta’ San Ġwann (mill-bieb prinċipali) sa Pjazza San Ġorġ, bis-sehem tal-fratelli tas-Sagrament immexxija mill-Arċikonfraternità tas-Sagrament tal-Belt, l-Ordnijiet tal-Kavallieri (l-Ordni Militari Sovran ta’ Malta u l-Ordni Ekwestri tal-Qabar Imqaddes ta’ Ġerusalemm). Warajhom kien hemm l-abbatini u s-saċerdoti konċelebranti, l-Arċisqof u l-Isqfijiet. Il-Kor Collegium Musicum, taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Dion Buhagiar, animaw iċ-ċelebrazzjoni.
Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof mexxa purċissjoni bis-Sagrament Imqaddes, minn Pjazza San Ġorġ għal quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann, fejn hemmhekk ingħatat il-Barka Sagramentali. Il-purċissjoni għaddiet minn Triq l-Arċisqof, Triq Merkanti, Triq Melita, Triq ir-Repubblika u Triq San Ġwann.
Matul il-purċissjoni indaqqet il-fanfarra mill-Banda La Vallette, fil-bidu tal-purċissjoni u fejn il-Knisja ta’ San Franġisk, u mill-Banda King’s Own fuq il-gallarija tal-każin tagħhom u waqt il-Barka Sagramentali.
Fl-aħħar parti tal-purċissjoni tkantat l-għanja liturġika “Id-Dija tad-Dinja” li ġiet miktuba apposta għal din l-okkażjoni, minn Patri George Buttigieg OFM Conv.
Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]