Nhar il-Ħadd li ġej se tiġi organizzata ċ-ċelebrazzjoni Djoċesana fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ Kristu Re. It-tema għal din is-sena hi “Naqsmu mal-oħrajn il-ferħ tal-fidi tagħna”. Is-Segretarju Pastorali, Fr Charles Cordina, qal li “t-tema hija bbażata fuq is-suġġett tal-evanġelizzazzjoni u dan peress li l-Arċisqof wera x-xewqa li l-Pjan Pastorali tal-Knisja f’Malta għat-tlett snin li ġejjin jirrifletti fuq il-mod li bih il-Knisja ser tqanqal mill-ġdid il-qlub ta’ dawk li warrbu l-fidi tagħhom, biex dawn jerġgħu jiskopru s-sbuħija tal-ħajja Nisranija”. Dan jorbot ukoll ma’ dak li l-Papa Benedittu XVI qed iħeġġeġ li jsir fid-dinja kollha, speċjalment fil-pajjiżi tal-Punent li l-oriġini tagħhom kienet bbażata fuq il-Kristjaneżmu, tant li huwa waqqaf il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida biex imexxi dan il-proġett u barra minn hekk is-sena d-dieħla ser jlaqqa’ l-Isqfijiet tad-dinja biex jiddiskutu dan l-istess suġġett.
Il-programm taċ-ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re jinkludi animazzjoni ta’ kant, feature bbażat fuq it-tema li ser jittella’ mill-grupp ta’ familji nsara fi ħdan l-MSSP bl-isem ‘Miskan’ u messaġġ mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. Din iċ-ċelebrazzjoni li tibda fl-4.00 p.m. se ssir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera. Kulħadd huwa mistieden li jattendi.
Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru, l-adolexxenti flimkien mal-Arċisqof ser jiftħu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re permezz ta’ laqgħa msejħa ‘Meeteen’ li se ssir ġewwa l-kumpless tal-Inspire f’Marsaskala bejn is-6.30 p.m. u d-9.00 p.m. L-attivita’ ta’ din is-sena bit-tema ‘X’għandek nieqes?’ ser tgħin l-adolexxenti jiffukaw fuq mistoqsijiet ċentrali dwar il-fidi tagħhom.
Din il-laqgħa annwali ġġib flimkien mijiet ta’ adolexxenti ta’ bejn 12 u 16-il sena. Il-format ta’ ‘Meeteen’ jinbidel kull sena; din l-edizzjoni ser tinkludi programm varjat b’videos, attivitajiet fi gruppi, mużika live u ħin għat-talb. Meeteen 2011 qed jiġi organiżżat minn ‘ACTS’, grupp ta’ volontiera żgħażagħ li jmorru fl-iskejjel biex iwasslu messaġġ Kristjan, bil-ko-ordinazzjoni tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Aktar informazzjoni fuq www.kdz.org.mt
Bi tħejjija għall-istess festa liturġika ta’ Kristu Re, nhar is-Sibt 19 ta’ Novembru, l-Arċisqof Pawlu Cremona ser jiltaqa’ wkoll mat-tfal f’attivita’ li matulha diversi gruppi ta’ tfal mill-parroċċi u għaqdiet ser jtellgħu diversi rappreżentazzjonijiet ta’ kant, żfin u logħob. Din l-attivita’ tibda fit-3.45 p.m. fl-iskola ta’ Santa Monica, Birkirkara. Għal din iċ-ċelebrazzjoni li qed ssir ukoll fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tat-Tfal li jiġi ċċelebrat dakinhar, se tattendi l-Kummisarju tat-Tfal, s-Sinjura Helen D’Amato.