Matul ix‑xahar ta’ Marzu, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta xxandar il‑quddiesa kuljum fid‑9:30am fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Mit‑Tnejn sas‑Sibt tixxandar it‑talba tar‑rużarju fuq Knisja.mt, Newsbook.com.mt, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Kull nhar ta’ Ħadd, il‑quddiesa tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt, l‑istazzjon tar‑radju RTK 103, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
L‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l‑quddies f’dawn il‑ġranet:
Il‑Ħadd 3 ta’ Marzu, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof jiċċelebra l‑quddiesa fit‑tielet Ħadd tar‑Randan mill‑Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fil‑Kalkara. Din tixxandar fuq TVM, knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.
It‑Tlieta 5 ta’ Marzu, fis‑6pm, Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa fl‑anniversarju mill‑mewt tal‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil‑Katidral ta’ Pawl fl‑Imdina.
Il‑Ġimgħa 8 ta’ Marzu, fis‑6pm, Mons. Arċisqof imexxi l‑pellegrinaġġ nazzjonali djoċesan bix‑Xbieha Mirakoluża ta’ Ġesù Redentur fit‑toroq tal‑Isla u wara jiċċelebra quddiesa fil‑Bażilika tat‑Twelid tal‑Verġni Marija fl‑Isla.
Is‑Sibt 9 ta’ Marzu, fis‑6pm, Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja ta’ San Ġakbu fix‑Xgħajra. Wara jiltaqa’ mal‑parruċċani.
Il‑Ħadd 10 ta’ Marzu, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa fir‑raba’ Ħadd tar‑Randan mill‑Knisja Parrokkjali ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.
Il‑Ġimgħa 15 ta’ Marzu, fl‑10am, fil‑Knisja ta’ Ġieżu fil‑Belt Valletta, Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa fit‑800 sena minn meta San Franġisk t’Assisi rċieva l‑pjagi fuq il‑Muntanja Verna. Dakinhar, mal‑Kurċifiss Mirakoluż se tiġi esposta r‑relikwa tad‑demm ta’ San Franġisk.
Il‑Ħadd 17 ta’ Marzu, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑ħames Ħadd tar‑Randan mill‑Knisja Parrokkjali ta’ San Leonardu f’Ħal Kirkop. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.
It‑Tlieta 19 ta’ Marzu, fid‑9am, Mons. Arċisqof jiċċelebra l‑quddiesa pontifikali fil‑festa ta’ San Ġużepp fil‑Knisja Ta’ Ġieżu fir‑Rabat.
Il‑Ġimgħa 22 ta’ Marzu, fis‑6pm, Mons. Arċisqof imexxi l‑pellegrinaġġ nazzjonali bl‑istatwa tad‑Duluri, li jibda mill‑Knisja ta’ Ġieżu fil‑Belt Valletta.
Il‑Ħadd 24 ta’ Marzu, Ħadd il‑Palm, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni tat‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑quddiesa li fiha jinqara r‑rakkont tal‑Passjoni tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.
Il‑Ħamis 28 ta’ Marzu, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Fis‑6pm imexxi l‑Quddiesa fit‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej u wara ssir purċissjoni qasira għall‑artal tar‑ripożizzjoni, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.
Il‑Ġimgħa 29 ta’ Marzu, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana. Dawn jixxandru fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Fit‑3:30pm imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.
Is‑Sibt 30 ta’ Marzu, Sibt il‑Għid, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof, flimkien mal‑Isqof Anglikan Robert Innes u l‑Kanċillier tal‑Prokatidral ta’ San Pawl Rev. Canon David Wright, imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Dawn jixxandru fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Fit‑8pm imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid li matulha numru ta’ adulti jiġu mgħammda, jirċievu l‑Griżma tal‑Isqof u l‑Ewwel Tqarbina, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVMNews+, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.
Il‑Ħadd 31 ta’ Marzu, fid‑9:30am, Mons. Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u RTK 103.